Edukazzjoni Lokali

L-inkompetenza tal-Ministeru tal-Edukazzjoni qed toħloq inċertezza u paniku dwar il-ftuħ tal-iskejjel

“Mhux aċċettabbli li ftit ġimgħat biss qabel il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, il-Gvern għadu ma’ lestiex il-protokolli meħtieġa u għadu mhux ippreparat biex jagħti linji gwida serji lit-tmexxija tal-iskejjel, lill-għalliema u lill-ġenituri dwar kif se jimxu l-affarijiet waqt il-perjodu ta’ pandemija. B’din l-inkompetenza, l-Gvern Laburista qed jilgħab mal-edukazzjoni ta’ uliedna u ma’ saħħet it-tfal u l-professjonisti tagħna.”

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli fejn kompla jgħid li l-Ministeru tal-Edukazzjoni mhux joffri serħan il-moħħ dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’Settembru li ġej hekk kif għadu ma’ kkonsultax mal-ġenituri, t-tmexxija tal-iskejjel, l-għalliema u l-unjins tagħhom. Dawn kollha qed jilmentaw li għadhom fil-għama dwar x’ se jiġri hekk kif jonqos biss xahar biex jiftħu l-iskejjel.

Illum il-Ministru Laburista ħabbar li sa nhar il-Ġimgħa jrid iħabbar il-protokolli meta sal-lum għadu lanqas biss għadu lestihom u ddiskutihom mall-istakeholders kollha. Dan mhu xejn għajr ministeru f’paniku. Il-ftuħ tal-iskejjel f’sitwazzjoni ta’ pandemija jeħtieġ aktar u mhux anqas ippjanar bil-galbu u konsultazzjoni wiesa’ mall-istakeholders kollha. Dawk biss jistgħu jagħtu s-serħan tal-mohh li l-affarijiet qed isiru sew għall-ħaddiema u għal uliedna.