Wara li l-MUT talbet li l-Gvern joħroġ il-protokolli sabiex kulħadd ikun preparat sew dwar kull xenarju possibli rigward il-ftuħ tas-sena skolastika, jidher li f’daqqa waħda l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irid iħaffef il-proċess u joħroġ il-protokolli nhar il-Ġimgħa li ġej. L-MUT fi stqarrija qalet li kellha laqgħa ilbieraħ dwar is-sitwazzjoni u fl-ebda ħin ma raw jew ma ssemma li l-protokolli ser jiġu ppublikati nhar il-Ġimgħa, jiġifieri fi ftit jiem wara li tibda d-diskussjoni.
L-MUT qalet li s’issa għadha lanqas taf liema xenarju ser jintuża’ jew x’ser ikun fihom dawn il-protokolli, issostni li ma jistax ikun li dawn jinħarġu mingħajr ma jkun hemm l-input tal-edukaturi u saħqet li huwa ċar li dan mhux ser ikun possibli jekk il-Ministeru jippublika linji gwida mil-lum għal għada.
Biss biss, kompliet tgħid l-istqarrija, għadu lanqas ġie deċiż il-mod ta’ kif ser isir it-tagħlim matul is-sena skolastika. L-MUT sostniet li bħala r-rappreżentant ewlieni tal-edukaturi kollha, għaddejja bil-proċessi tagħha fejn qed tikkonsulta ma’ kulħadd, inkluż mal-membri u mas-setturi tal-Knisja u independenti. Dan sabiex ikun assigurat li l-leħen tal-edukaturi jiġi kkunsidrat f’kull stadju.
L-MUT temmet tgħid li mhux ser tħalli lill-Ministeru jgħaddi romblu minn fuq l-edukaturi. Għaldaqstant l-MUT qed tiddikjara minn issa li m’hix lesta li tiddiskuti b’ħafna għaġla dawn il-protokolli speċjalment jekk id-deċiżjonijiet diġà ttieħdu. L-MUT lesta li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tħares l-interessi u s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi u l-istudenti.
//= $special ?>