L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti (ISA) qed titlob lill-awtoritajiet konċernati biex l-edukaturi jingħataw linji gwida dwar il-ftuħ tal-iskejjel li mistennija jiftħu lura fi ftit ġimgħat.
L-ISA qed tagħmel din it-talba hekk kif l-iskejjel għandhom bżonn jippreparaw għat-tibdil meħtieġ fejn tidħol is-saħħa tal-edukaturi u tal-istudenti.
In-nuqqas ta’ miżuri fl-edukazzjoni wasslu biex għadd ta’ edukaturi kkuntatjaw lil din il-kamra tal-aħbarijiet dwar it-tħassib tagħhom u kif huma baqgħu fid-dlam dwar kif għandhom jaħdmu.
L-ISA qed titlob linji gwida biex l-edukaturi jkunu jafu jekk hux irrakkomondat li tinżam id-distanza soċjali fil-klassijiet, kif se jitmexxa t-trasport tal-iskola u x’jiġri f’każ li jkun hemm każ pożittiv f’xi klassi.
Minkejja ż-żieda fil-każijiet ġodda ta’ COVID-19 fl-aħħar ġimgħat, jidher li kollox se jibqa’ kif pjanat biex b’hekk l-iskejjel se jerġgħu jiftħu lura fit-28 ta’ Settembru. Lura f’Marzu, minkejja li pajjiżna kien għadu fil-bidu tal-pandemija bi ftit każi rreġistrati, l-iskejjel għalqu kollha minnufih.