Lokali

AĠĠORNATA: Barrani arrestat f’raid mill-Pulizija fil-Floriana

Raġel barrani miżmum mill-Pulizija

Numru ta’ Pulizija wettqu arresti fil-Furjana, f’dak li kien raid marbut mal-każ tad-delitt doppju f’Tas-Sliema. Kif żvela dan is-sit aktar kmieni dalgħodu, il-Pulizija għamlu pass sinifikanti biex isolvu dan il-każ meta irnexxielhom jindividwaw “ritratt” minn CCTV li kixef lit-tliet persuni li ġimgħa ilu wettqu d-delitt doppju.

Sorsi mid-Depot qalulna li f’din l-operazzjoni l-investigaturi żammew lil ċertu Daniel Muka, Albaniż li fil-passat kien assoċjat ma’ diversi każi ta’ serq. Muka, li għandu 29 sena, hu magħruf anke mal-Pulizija Albaniża.

Dan is-sit hu infurmat li ġew miżmuma wkoll żewġ Maltin wara li taw refuġju lill-Albaniż biex jistaħba.

Waqt li kienet għaddeja din l-operazzjoni fiz-zona viċin tal-Poliklinika tal-Furjana, it-triq ingħalqet kompletament.

F’kumment li ta s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech sellem lill-membri tal-Korp tal-Pulizija u rringrazzjahom għax-xogħol tagħhom fl-operazzjoni delikata u anke perikoluża għalihom marbuta mal-qtil doppju f’Tas Sliema.

Francis Zammit Dimech, għan-nom tal-Partit Nazzjonalista awgura lill-Pulizija aktar suċċess f din l-investigazzjoni li qed tieħu tant b’serjetà u determinazzjoni.