Internazzjonali

Stati Uniti: Lejla oħra ta’ vjolenza f’Wisconsin

L-Istat ta’ Wisconsin għadda minn tieni lejl ta’ vjolenza wara inċident li fih raġel iswed — li ma kienx armat — spiċċa jaqla diversi tiri f’dahru mingħand il-pulizija waqt li kien dieħel f’karozza fil-belt ta’ Kenosha. Filmat tal-inċident juri lir-raġel, Jacob Blake, qed ibaxxi fil-karozza, waqt li pulizija jipprova jiġbdu mill-qmis – u fejn imbagħad jinstemgħu madwar seba’ tiri.

L-aħħar rapporti qalu li Blake jinsab ‘stabbli’ fl-isptar, bl-inċident jinfurja lir-residenti ta’ Kenosha fost spinta lit-tensjoni razzjali li ilha tbaqbaq fl-Istati Uniti mill-qtil, f’Mejju, ta’ raġel iswed ieħor, George Floyd, li kien tilef ħajtu ftit wara li spiċċa arrestat mill-pulizija f’Minnesota.

Intant, fl-aħħar sigħat, gruppi ta’ nies f’Wisconsin taw in-nar lil diversi bini u vetturi, bil-Gvernatur tal-Istat, Tony Evers, isejjaħ lill-Gwardja Nazzjonali biex tgħin lill-pulizija lokali ħalli jirristawraw l-ordni.

L-aħħar vjolenza f’Wisconsin qed tirrifletti l-għadab  ġenerali  għall-pulizija li qed ikunu akkużati b’aġir brutali eċċessiv fid-diversi drabi li huma jikkonfrontaw lill-Afrikani-Amerikani. Dan waqt li żdiedu l-appelli biex l-awtoritajiet ikkonċernati jirriflettu aktar fuq ir-razziżmu fis-soċjetà.