Sport Waterpolo

Sullivan protagonist fir-rebħa ta’ Exiles filwaqt li Valletta jilħqu lil Marsaxlokk

Stewart Said

BIRŻEBBUĠA FREEPORT….. 6

EXILES FERRETTI……………… 11

(1-1), (1-3), (2-3), (2-4)

Exiles Ferretti kisbu l-ewwel rebħa, b’Timmy Sullivan protagonist b’erba’ gowls. Ir-rebħa kienet meritata minħabba l-fatt li għarfu jibnu vantaġġ tajjeb f’mument importanti tal-logħba u minn hemm komplew jikkonsolidaw il-vantaġġ.

Kienu Birżebbuġa li fetħu l-iskor permezz ta’ Julian Farrugia iżda Mark Fenech ġab id-draw għal Exiles. It-tim ta’ Igor Vukanovic mar fil-vantaġġ għall-ewwel darba fit-tieni sessjoni permezz ta’ Nicky Paris. Wara li Simon Vassallo ġab id-draw, Timmy Sullivan u Philip Paris għenu biex Exiles jidħlu jistrieħu 4-2 fil-vantaġġ.

Farrugia naqqas id-distakk fil-bidu tat-tielet sessjoni iżda tliet gowls konsekuttivi ta’ Paris, Sullivan u Sean Xerri de Caro wasslu biex Exiles fetħu vantaġġ komdu ta’ 7-3, distakk li kien il-bidu biex Exiles ikkontrollaw il-logħba.

Christian Mifsud prova jħalli lil Birżebbuġa fil-logħba hekk kif bdew l-aħħar sessjoni b’distakk ta’ tliet gowls. Exiles reġgħu skorjaw tliet gowls konsekuttivi, din id-darba permezz ta’ doppjetta ta’ Sullivan u gowl ta’ Fenech għal distakk kbir ta’ sitt gowls. Fl-aħħar minuti Birżebbuġa naqqsu d-distakk minn Max Borg u Matthias Bonnici, b’Fenech jiskorja bejniethom.

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (2), N. Cassar, D. Pace Lupi, C. Mifsud (1), P. Serracino, S. Vassallo (1), D. Cutajar, M. Bonnici (1), M. Borg (1), R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech, Z. Bartolo

Exiles: M. Castillo, J. Bajada, A. Magri, P. Paris (2), T. Sullivan (4), S. Xerri de Caro (1), M. Fenech (3), K. Griscti, N. Paris (1), A. Cousin, S. Apap, D. Fenech

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

WATERPOLO – KAMPJONAT I DIVIŻJONI

VALLETTA IZIBET……………………. 13

MARSASKALA FISH AND FISH…. 7

(2-1), (3-1), (4-2), (4-3)

Wara r-rebħa kontra Otters fil-fażi preliminari u lil Ta’ Xbiex fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, Valletta Izibet għelbu lil Marsaskala Fish and Fish 13-7 B’dan ir-riżultat, Valletta jinsabu b’punti massimi daqs Marsaxlokk fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni.

Il-Beltin qatt ma kienu minn taħt fil-logħba, f’konfront pjuttost kwiet. Niki Lanzon fetaħ l-iskor u wara li Jean Claude Cutajar ġab id-draw, Daniel Paolella poġġa lil Valletta minn fuq meta kompla għal ġewwa mill-viċin.

Fit-tieni sessjoni kien Edward Aquilina li b’doppjetta flimkien ma’ gowl ta’ Andrea Agius wasslu lil Valletta għal vantaġġ komdu ta’ 5-2, b’Jan Culic jiskorja għal Marsaskala minn penalty.

It-tim ta’ Srdjan Lazarevic aċċerta mir-rebħa fit-tielet sessjoni b’erba’ gowls minn erba’ plejers differenti, biż-żgħażagħ Max Aquilina u Malcolm Manara jnaqqsu d-distakk parzjali. Fl-aħħar sessjoni, il-logħba żammet l-istess ritmu, b’Marsaskala jippruvaw iżommu d-distakk baxx kemm jista’ jkun.

Valletta: R. Sciortino, P. Borg, E. Aquilina (4), M. Stellini, A. Agius (2), R. Mock, D. Paolella (1), A. Bianchi, N. Farrugia, M. Zammit (3), N. Lanzon (3), T. Micallef

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (2), A. Camenzuli (1), P. Privitera, M. Aquilina (2), L. Grixti, K. Navarro, M. Manara (1), L. Felice, J. Culic (1), R. Attard, M. Chircop, A. Muscat, D. Camilleri, J. Galea

Referees: Mario Dalli, Alex De Raffaele