Huwa Nazzareno Mifsud ta’ 57 sena minn Ħal-Qormi li tressaq il-Qorti wara talba li saret għall-estradizzjoni tiegħu mill-awtoritajiet Amerikani fuq reati relatati ma’ attivitajiet sesswali ma’ minorenni taħt is-16-il sena fl-Istati Uniti.
Mill-provi li nstemgħu fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello rriżulta li t-talba mill-Istati Uniti saret fl-2017 u kien il-ġimgħa l-oħra li l-Pulizija bdiet tipproċedi dwar il-każ fejn kmieni nhar it-Tnejn filgħodu l-Pulizja marret id-dar tiegħu u arrestatu.
Mifsud, li Malta jaħdem bħala Operations Manager, ilu jgħix Malta sa mill-1988, bl-Amerikani jikkontendu li huwa ħarab mill-Istati Uniti fl-1987 fejn hemm kien jaħdem mal-Armata.
L-Armata Amerikana qed tikkontendi li Nazzareno Mifsud kien jaħdem magħha u li hija qed tfittxu fuq somomija u atti indiċenti fuq żagħażugħ ta’ 16-il sena. Mal-armata huwa kien jaħdem fit-tiswijiet tas-sistemi tar-rockets.
L-Avukati ta’ Mifsud, Arthur Azzoopardi u Stephen Tonna Lowell mill-ewwel ġabu għall-attenzjoni tal-Qorti dwar kif talba li saret fl-2017 ġiet eżegwita fl-2020.
Id-difiża ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, iżda qalet li mhux qed tagħti l-kunsens tagħha biex huwa jiħi estradit.
Id-difiża talbet ukoll lill-Qorti biex ismu ma jissemmiex minħabba l-fatt li huwa magħruf sew mal-kommunità Qormija u li għandu neputijiet żgħar għaliex dan għandu familja u biex in-neputijiet tiegħu jiġu protetti aktar milli l-familjari tiegħu li għandhom l-età.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat George Camilleri, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma opponiex għal din it-talba u qal li dan il-proċeduri kontrih mhux ġejjin minn Malta, iżda mill-Istati Uniti. Il-Qorti iżda qalet li ma hemmx raġunijiet validi skont il-liġi biex ismu ma jissemmiex.
L-ewwel xhud kien is-Supretendent Christopher Galea Scanura li esebixxa diversi dokumenti li ntbagħtu mill-Istat Uniti lill-awtoritajiet Maltin. Huwa qal li kien fl-24 ta’ Frar 2017, li saret l-ewwel kommunikazzjoni bejn l-awtoritajiet Amerikani u dawk Maltin biex jiġi estradiet Mifsud.
Ix-xhud qal li l-Amerikani jridu lill-akkużat fuq inċidenti li seħħew fl-1986 u fl-1987. Fuq mistoqsija tad-difiża x-xhud ikkonferma li Nazzareno Mifsud għandu kollox reġistrat skont il-liġi Maltija u li joqgħod il-Qawra u anke għandu karta tal-identità Maltija.
Wara xehed l-Ispettur Robinson Mifsud li qal li meta ġie ppreżentat lilu l- mandat ta’ arrest huwa mill-ewwel induna li din kellha x’taqsam mal-Istati Uniti u kif semmewlu l-kelma Interpol, dan semmielhom, ‘il-problemi mal-Amerika’.
L-Ispettur Mifsuf qal li wara li ġie arrestat huma ħadu lil Nazzareno Mifsud id-depot fejn hemmhekk ittieħdulu l-finger prints u dawn ġew ikkomparati ma’ dawk provduti lill-Pulizija Maltija mill-Pulizija Amerikana.
Xehedet ukoll l-Ispettur Rebecca Grech li qalet li hija ħadet ħsieb li tara li l-finger prints li ntbagħtu mill-Amerika jiġu komparati f’Malta. Dwar jekk huwa qalx xi ħaġa fil-preżenza tagħha, qalet li kull ma semgħetu jgħid kien biss ‘dan huwa t-trouble kollu li kelli fl-Amerika”.
Hija kkonfermat li s-sezzjoni fejn taħdem irċeviet il-file dwar l-estradizzjoni ta’ Mifsud mill-Amerika, ftit tal-gimghat ilu.
Xehed ukoll is-Surġent Martin Anthony Chetucuti li jaħdem fil-laboratorju forensiku. Huwa esebixxa rapport u ħadlu l-‘finger prints’ u qabbilhom ma’ dawk li kienu rċevew mill-Amerika, u qal li dawn qablu.
Fuq mistoqsija tal-Avukat Arthur Azzopardi huma ħadi sebgħa min id il-leminija u oħra minn id ix-xellugija. Ittieħud wkoll impronti diġitali manwalment li qablu wkoll, qal ix-xhud.
L-Avukat George Camilleri qal fil-Qorti li l-‘finger prints’ ittieħdu fuq ordni tal-Maġistrat tal-Għassa.
Nazzareno Mifsud, huwa mfittex fuq reati serji li allegatament twettqu fl-Istati Uniti kien arrestat mill-Pulizija Maltija mis-sezzjoni tas-Central Intelligence and Analysis flimkien mal-Pulizija Maltija tal-Interpol fi ħdan it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.
Huwa qed jiġi mfittex mill-Awtoritajiet Amerikani fuq reati relatati ma’ attivitajiet sesswali ma’ minorenni taħt is-16-il sena fl-Istati Uniti u anke fuq prostituzzjoni. Il-Pulizija Maltija ikkonfermat ukoll li ma sar ebda reat tal-istess natura f’Malta mill-persuna arrestata.
Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet kien ġie stabbilit li r-raġel qiegħed jgħix u jaħdem f’Malta u kien arrestat għall-ħabta tas-7:15 tat-Tnejn filgħodu permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Internazzjonali maħruġ mill-Istati Uniti.
F’isem l-Avukat Ġenerali minbarra l-Avukat George Camilleri qegħdin jidhru wkoll l-Avukati Kevin Valletta u Meredith Ebejer.
//= $special ?>