Lokali

Il-familji Maltin u Għawdxin m’għandhomx għalfejn jitkarbu għall-ħtiġijiet bażiċi – PN

Is-sitwazzjoni tal-faqar, speċjalment in-nuqqas ta’ ikel li ħafna familji Maltin qegħdin isofru, għadha mhux qed tkun indirizzata bis-serjeta’ mill-Gvern Laburista.

Fi stqarrija l-PN permezz tal-Viċi Kap tal-PN David Agius li huwa wkoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha u Solidarjetà Soċjali, flimkien ma’ Ivan Bartolo, kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Glieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, intqal li kif ġie rrappurtat fil-midja, l-Victory Kitchen, li hi inizjattiva privata, tistma li pprovdiet ikliet lil iktar minn 6,000 familja mindu bdiet il-pandemija tal-COVID-19 u issa għaddejja bix-xogħol sabiex tkompli dawn l-attivitajiet tagħha b’risq eluf ta’ familji oħra li għadhom ma ntlaħħqux. Kull jum li jgħaddi aktar familji qed isoffru l-ġuħ.

Pero’, kif jaf kulħadd din mhux l-unika inizjattiva favur il-familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja, li bżonn ikla ta’ kuljum u affarijiet bażiċi tal-ikel għalihom u għal uliedhom.

Hawn food banks u kċejjen, fosthom tal-Knisja u organizzazzjonijet privati, li ilhom joperaw qabel il-COVID-19 u ovvjament żiedu xogħolhom waqt l-imxija tal-virus sal-ġurnata tal-lum. Wieħed allura jista’ ma jaħsibx f’kemm hawn verament nies u familji li għandhom bżonn din l-għajnuna? X’inhu jsir għalihom? Bħala Oppożizzjoni ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem dan kollu.

Wieħed jistenna li Gvern, li suppost iħaddan twemmin soċjalista, li dejjem sab flus għal dawk tal-qalba, għall-iżviluppaturi, għal dawk li ilhom snin paxxuti, li għandu surplus u li jpinġi lilu nnifsu bħala s-salvatur tal-familji Maltin, li jxammar idejh u jibda jipprova jsolvi din is-sitwazzjoni b’mod permanenti. It-tqassim tal-oġġetti tal-ikel m’għandhomx jitqassmu lejliet xi elezzjoni, anzi qas biss misshom jeżistu. Il-familji Maltin m’għandhomx għalfejn jitkarbu għall-ħtiġijiet bażiċi.

L-istħarriġ tas-SILC tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2019 ma serviex biżżejjed ta’ wake-up allavolja dan wera iswed fuq abjad li d-distakk bejn min hu tajjeb, min jista’ u min m’għandux żdied sew.

Nappellaw lill-Gvern Laburista sabiex isib ir-ruħ soċjali tiegħu mill-aktar fis possibbli qabel ma iktar familji jaqgħu għal dejjem fil-faqar. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ joffri l-għajnuna tiegħu lill-Gvern sabiex jibdew jitwettqu miżuri soċjali għall-ġid ta’ kull min għandu bżonn min jgħinu jqum fuq saqajh.