Ekonomija Lokali

“Il-Gvern għandu jbiddel il-mudell ekonomiku”

Huwa ta’ riskju għoli li l-politiċi jilgħabu bin-numri tal-istatistika tal-faqar sempliciment biex jirbħu punti politiċi. Mhuwiex dan li jgħodd għall-benesseri tas-soċjetà tagħna.

Kien dan il-mesaġġ li ħareġ mill-Editorjal tal-gazzetta Times of Malta, li l-Erbgha kien iffukat fuq l-ahhar statistika marbuta mal-faqar f’pajjizna.

L-editorjal jghid illi hu ċar ħafna li t-tfal u l-anzjani huma fost dawk fl-ogħla riskju ta’ faqar. U jfakkar fil-wegħda tal-Prim Ministru li jipproteġi l-“kwalità tal-ħajja” – weghda li ma tfisser xejn meta dawn in-nies lanqas biss għandhom għajxien deċenti. Ghalhekk, jeħtieġ isir ħafna iktar biex ikun assigurat li in-nies verament jibbenefikaw mit-tkabbir ekonomiku.

L-editorjal jgħid li l-ogħla prijorità għandha tkun li jinħolqu strateġiji aħjar biex jipprevjenu aktar tfal milli jinqabdu fil-morsa tal-faqar. It-tqassim mill-ġdid tal-benefiċċji u l-għajnuna lill-ġenituri biex isibu impjieg stabbli u full-time huma kruċjali biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Kieku l-ġenituri kollha minn familji foqra kienu jaħdmu u jaqilgħu paga diċenti, din ir-rata ta’ faqar f’pajjiżna tonqos.

Anke dan l-Editorjal jinsisti li l-Gvern għandu bżonn ibiddel il-mudell ekonomiku li jimporta ‘cheap labour’ minn barra l-pajjiż għaliex dan qed joħloq inugwaljanza kbira fid-dħul tal-pagi. Sar appell biex il-Gvern ikun aktar ambizzjużi fil-ġlieda kontra l-faqar fejn saħaq li għandna nibnu ekonomija fejn kull tifel u tifla, kull pensjonant ma jkunux f’riskju ta’ faqar.

Fl-2019, il-persuni f’riskju tal-faqar f’Malta skont statistika tal-Eurostat kienu jammontaw għal 20 fil-mija tal-popolazzjoni… pjuttost qrib il-medja tal-UE.

Madankollu, analiżi dettaljata ta’ din l-istatistika turi li xi setturi tas-soċjetà tagħna qed jitħabtu ħafna iktar minn oħrajn. Aktar minn nofs id-djar b’adult wieħed u tfal dipendenti huma f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Dan huwa sinifikament ogħla mill-medja tal-UE.

Indikaturi oħra inkwetanti huma li madwar 25 fil-mija ta’ dawk li għandhom aktar minn 65 sena huma f’riskju ta’ faqar – rata ferm ogħla mill-medja ewropea ta’ 16 fil-mija. Saħansitra iktar inkwetanti… madwar 41 fil-mija tan-nies kollha li jgħixu fid-djar b’ġenitur wieħed kienu f’riskju ħafna ikbar ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.