Lokali Qorti

Il-Maġistrat Joe Mifsud jgħid li l-attenzjoni m’għandhiex tkun biss fuq id-dritt tal-akkużat

Il-Maġistrat Joseph Mifsud ċaħad talba għall-ħelsien mill-arrest li saret minn Herman Sant ta’ 48 sena minn Ħad-Dingli u qal li dan l-aħħar il-Qrati kienu qed jagħtu wisq attenzjoni għad-drittijiet tal-akkużat.

Sant qed jinżamm taħt akkuża ta’ pussess ta’ kokaina u eroina mhux esklussivament għall-użu personali tiegħu u li kiser il-ħelsien mill-arrest mogħti lilu b’rabta ma’ każ ieħor f’Lulju 2016.

Fid-digriet tiegħu li ċaħad talba għall-ħelsien mill-arrest mill-avukati ta’ Sant, Mifsud qal li hemm numru ta’ fatturi u interessi li jikkompetu – fosthom dak tal-akkużat flimkien mal-familja tiegħu u l-interessi usà tas-soċjetà.

Il-Maġistrat qal li l-Qorti tħossha imħassba li fl-aħħar ftit snin, hija kienet “poġġiet wisq enfasi fuq id-drittijiet tal-akkużat … u ma tatx biżżejjed attenzjoni lill-bżonnijiet ta’ dawk li jgħixu fis-soċjetà tagħna li għandhom bżonn ukoll il-protezzjoni tal-Qrati.”

“Hemm bżonn urġenti li meta tiġi diskussa l-libertà proviżorja, apparti l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għandna nżommu f’moħħna l-Artikolu 2 u l-obbligu ta l-Istat li jipproteġi l-ħajja ta’ dawk kollha li jgħixu f’dawn il-gżejjer. “

Huwa sostna li kien fl-interess komuni li l-Qrati jagħtu direzzjoni f’soċjetà li tilfet ħafna mill-valuri umani qawwija tagħha. Għal din ir-raġuni, il-Qorti qalet li dwar il-bilanċ tal-akkużi serji tad-droga u l-kundanni preċedenti tiegħu, kienet se tiċħad il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat. L-Ispettur Justine Grech qed tressaq il-Qorti. L-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca huma l-avukati difensuri.