Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Il-Ministru ma semax mill-esperti meta qalulu jibda jippjana u jikkonsulta kmieni” – PN

Jekk f’Marzu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kellu skuża jgħid li ma kienx ippreprarat għaliex ħadd ma’ kien jaf li ġejja pandemija, dik l-iskuża m’għadhiex valida llum għax l-esperti ilhom xhur jgħidu li din mhix se tkun sena normali. Il-UNICEF kienet issuġġeriet li jitħejja pjan għal diversi xenarji possibbli għal meta terġa’ tiftaħ l-iskola. Stqarr dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli fi stqarrija maħruġa f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-Professur Sandro Caruana eks Dekan tal-Fakulta’ tal-Edukazzjoni, fost oħrajn, kien wissa sa minn Mejju li għadda li pajjiżna kien jeħtieġ malajr pjan konkret dwar kif għandom jiftħu l-iskejjel f’Settembru li ġej f’ċirkostanza ta’ pandemija. Il-Ministru ma semax mill-esperti li qalulu jibda jippjana u jikkonsulta kmieni u llum anqas minn xahar qabel mill-ftuħ tas-sena skolastika għadu l-anqas ippreżenta abbozz ta’ linji gwida għad-diskussjoni.

Il-Gvern huwa fid-dmir li jassigura li t-tfal jingħataw l-aqwa edukazzjoni fl-aktar ambjent sigur għalihom u għall-għalliema tagħhom. F’ċirkostanzi ta’ pandemija dan jeħtieġ ħafna aktar ippjanar minn ċirkostanzi normali. Il-Gvern f’Mejju li għadda kien wiegħed li se jippjana kif talbuh l-esperti fuq diversi xenarji u wara jibda proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin. Imma kien biss ilbieraħ, wara li ġie ikkritikat li m’ghandu xejn lest, il-Ministru Laburista żvela li se jħabbar abbozz għad-diskussjoni nhar il-Ġimgha li ġej. Din ir-reazzjoni ta’ paniku ġabet biss reazzjoni negattiva mill-MUT, li ddikjarat li ma kienet taf b’xejn dwar abbozz finalizzat ta’ linji gwida minkejja li qeda’ f’working group imwaqqaf mill-Ministru sabiex jippjana l-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru li ġej.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella lill-Ministru Laburista biex fuq suġġett tant sensittiv u delikat bħall-edukazzjoni jimxi bil-galbu, bi pjan, bi djalogu u bil-pariri tal-esperti tagħna