Lokali

“Il-PN irid ikun Gvern alternattiv” – Bernard Grech

“Il-PN jeħtieġ li jkun maqgħud, u li jissaħħaħ biex ikun Gvern alternattiv”.

Hekk saħaq l-avukat Bernard Grech tul intervista fuq il-programm Ras imb Ras fuq TVM.

“Jien konvint li jekk ikollna programm sew, kif diġà qed nipprepara, kull min iħobb verament l-ewwel il-pajjiż u l-Partit, jista’ jingħaqad madwari biex lil dan il-pajjiż intuh alternattiva ta’ veru”.

Tul l-intervista huwa saħaq li la darba tibda l-kampanja se jkunu qed jiġu ppubblikati numru ta’ proposti li se jkunu qed isaħħu l-messaġġ u l-għan tal-kandidatura tiegħu. Dan wara li madwar 3 ġimgħat ilu preżenta l-espressjoni ta’ interess għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, bl-avukat Grech isostni li issa jħoss li wasal iż-żmien li jrodd ftit lura minn dak li ha tul il-ħajja.

Meta kien mistoqsi dwar il-mod kif il-Gvern qed jitratta s-sitwazzjoni tal-Covid f’pajjiżna, huwa spjega li l-Gvern fl-ewwel xhur mexa ħarir, iżda issa huwa ċar li numru ta’ deċizzjonijiet li ħa fix-xhur ta’ wara ma kinux tajba u ta’ fejda.

“Jien naħseb li fil-bidu kien sejjer tajjeb, però mbagħad il-politika popolista nkixfet, il-politika popolista ma baqgħetx taħdem. In-nies iridu politiċi onesti, li jkunu onesti magħhom, mhux ngħidulhom għadda kollox… il-feel good factor huwa importanti… però ma tistax tidħaq bin-nies”.

Bernard Grech mill-ġdid tenna li l-għaqda fi ħdan il-PN hija l-aktar element essenzjali u fuq dan kollu għandu jkun mibni l-ewwel pedament tal-ħidma tiegħu.