Ambjent Lokali

Il-vleġeġ kienu mpinġija minn organizzatur ta’ maratona

Organizzaturi ta’ “ultra-marathon event” huma responsabbli għal marki bl-ispray aħmar fuq art protetta madwar il-gżejjer Maltin.

Permezz ta’ informazzjoni li ksibna minn numru ta’ qarrejja ta’ Net News kollox kien qed jindika li dawn il-vleġeġ saru biex ikunu ta’ gwida, infatti l-ERA permezz ta’ stqarrija kkonfermat li f’ħidma konġunta mal-Pulizija skoprew li dawn il-marki saru minn organizzatur Franċiż.

Dawn il-vleġeġ, jew marki saru biex jigwidaw, iżda wkoll ġibdu l-attenzjoni ta’ bosta, inkluż f’Kemmuna, Fomm ir-Riħ, Ras il-Qammieħ, iz-zona tat-Torri l-Aħmar, Għar Lapsi u l-Park tal-Majjistral fost l-oħrajn.

Infatti l-organizzatur ingħata ċans sal-Ġimgħa biex ineħi dawn il-marki mingħajr ma jkompli jagħmel ħsara lill-ġebla Maltija.

L-ERA intant min-naħa tagħha qalet li biex wieħed jagħmel attivitajiet f’dawn iz-zoni, wieħed irid permit mill-Awtorità u l-organizzaturi huma mħeġġa jikkonsultaw mal-ERA biex jaraw jekk hemmx ħtieġa ta’ permit bħal dan biex issir l-attività.