Erba’snin ilu ngħataw €700,000 f’direct order lill-kumpanija Maniera li s-sid tagħha huwa Colin Zammit. Dan għall-konsulenza dwar elettriku arkitettorali għall-proġett li qatt ma sar. Il-kumpanija tħallset din is-somma biex tipprepara l-proġett tal-ITS li baqa’ ma sarx, imma l-ħlas sar xorta waħda.
Dan ħareġ mix-xhieda ta’ William Wait, Chairman mhux Eżekuttiv tal-Malta Enterprise u li fl-2014 kien iċ-Chairman tal-Water Services Corporation u li kien tpoġġa f’dan l-irwol direttament minn Konrad Mizzi.

Sadanittant filwaqt li l-Ministru Edward Scicluna seta’ kellu r-raġunijiet tiegħu biex jgħid dak li qal fuq Projects Malta – fejn kien iddeskriviha bħala entità “mhux trasparenti” l-Ministeru tal-Finanzi kellu l-informazzjoni kollha li kien jeħtieġ dwar il-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet.
Tant li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħu kien fuq il-bord ta ’Projects Malta. U l-ftehim tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kien ġie “bħal sajjetta” u u saru l-kuntratti permezz ta’ direct orders. Il-konsulenza kienet ingħatat permezz ta’ direct orders u li l-Ministeru għall-Finanzi kienet approvat ordnijiet ta’ dan it-tip.
Dan it-taġħrif ingħata minn Adrian Said eks Chairman ta’ “Projects Malta” li xehed qabel ma xehed Wait, hekk kif kompliet l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li fil-jum tal-Erbgħa, 26 ta’ Awwissu kienet tkun qed tiċċelebra għeluq it- 56 sena tagħha.
Huwa kkonferma wkoll li fost ir-raġuni għar-riżenja tiegħu kienet li kien ikollu ħafna ndħil mill-Ministeru fil-konfront ta’ “Projects Malta”. Said li kien l-ewwel xhud qal li hu mdorri jaħdem fis-settur privat fejn kellu kontroll assolut tal-proġetti, qal li mal-Gvern il-kwistjoni hija totalment differenti. Kien iħoss li ċerti proġetti kienu jsiru bl-għaġġla. Tenna li hu ma kienx involut fid-drafting tal-RFP.
Adrian Said qal li hu qatt ma ntalab xi nformazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi. Madankollu hu kien għarraf lill-Ministeru tal-Finanzi dwar ċerti proġetti. Ix-xhud kien qed jirreferi għal dak li kien qal fil-Qorti Edward Scicluna fuq mistoqsija tal-Avukat Therese Comodini Cachia, li kien iddeskriva lil Projects Malta, bħal entità tal-Gvern “mhux trasparenti”.

Dikjarazzjonijiet tal-Ministru Edward Scicluna
Comodini Cachia bdiet tirreferi għax-xhieda tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u għad-dikjarazzjonijiet tiegħu fuq Projects Malta fejn huwa Scicluna kien tefa’ ħafna mit-tort għall-ftehim tal-isptarijiet Vitals Global Healthcare u proġetti oħra kontroversjali fuq “Projects Malta.” Kien-Imħallef Emeritu Michael Mallia li beda bil-mistoqsijiet tiegħu.
Said qal li hu mħarreġ fl-ekonomija u li għandi esperjenza ta’ 16-il sena fuq xogħol fir-riċerka ekonomika u konsulenza fil-Management. Qal li ħadem il-Mimcol u aktar tard bħala Chairperson ta’ “Projects Malta”.
Tenna li jservi wkoll bħala Chairperson mhux Eżekuttiv għall-Mimcol. L-Imħallef Lofaro staqsiet lix-xhud dwar ir-raġuni wara r-riżenja tiegħu. Said qal li hu ma rreżenjax minħabba rregolaritajiet li kien qed jara. Qal li hu xtaq jibda xi ħaġa ġdida.
Kompla jgħid li qal li kien irreżenja minn Chairperson Eżekuttiv ta’ Projects Malta għal raġunijiet personali. Qal li “Projects Malta” bdiet fl-2014 u li kienu identifikati proġetti fosthom proġetti li saru flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ, “yacht clubs” u tisbieħ u numru ta’ ideat dwar l-Isptar San Luqa.
Said qal li “Projects Malta” hija propjetà tal-Gvern b’mod sħiħ filwaqt li “Trade Malta” hija joint venture bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ. Tenna li l-ideat kienu joħorġu jew mill-Bord ta’ “Projects Malta”, kif ukoll mill-Ministeri jew individwi privati.
Dwar l-Isptar San Luqa, Said saħaq li sa Jannar tal-2015 l-idea kienet li jkun hemm “administrative city”. Dak iż-żmien, Konrad Mizzi kien il-Minstru għal “Projects Malta”. Dwar jekk Konrad Mizzi kienx involut b’mod dirett, ix-xhud spjega li “Projects Malta” kienet f’komunikazzjoni mas-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi. Saħaq li kien hemm direzzjoni politika.
Ix-xhud għadda biex tkellem dwar l-erba’ proġetti li kien hemm waqt iż-żmien li kien jokkupa l-pożizzjoni. L-ewwel kien hemm “Trade Malta”, imbagħad il-promozzjoni tal-yachting, proġett ieħor kien it-tisbiħ tat-toroq li kien public-private partnership, u t-tisbiħ ta’ bajjiet pubbliċi,, sa fejn jiftakar hu.
L-Avukat Comodini Cachia staqsiet lil Said x’ried jgħid biha meta qal li huwa kellu “rwol fuq il-periferija”. Qal li sa Settembru kien involut fi “Trade Malta”.
Wara f’Marzu kienet ippubblikata t-talba għall-privatizzazzjoni tal-isptar, imma dan il-proċess kien beda qabel “Projects Malta,” qal Said.
Ix-xhud ikonferma li l-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kien idea tal-gvern u li mbagħad għaddiet lilhom. Tenna li hu kien irreżenja fit-2 ta’ Mejju u baqa’ hemm sal-aħħar ta’ Ġunju.
Said qal ukoll li l-RFP kien diġà sar minn kumpanija legali prominenti u li “Projects Malta” ma kinitx involuta fil-kitba tal-RFP. “ Projects Malta” kienet biss intalbet tikkoordinah u għalhekk il-ftehim kien ta’ sorpriza għalihom.
Qal li l-koordinatur prinċipali, Aaron Mifsud Bonnici, li kien ukoll s-segretarju tal-kumpanija għal “Projects Malta” kien tkellem mal-kumpanija Ganado biex jaħdmu fuq l-RFP.
Qal li jemmen li l-irwol tiegħu kien iktar marbut mal-Ministeru milli ma’ “Projects Malta,” Tenna wkoll li din l-entità qatt ma kienet qatt ma kienet involutu fid-drafting tal-RFP tal-Electro Gas li kien sar f’April tal-2013.
L-Avukat Theres Comodini Cachia staqsiet lix-xhud dwar il-Mimcol fejn qalet li din hija l-konsulent tekniku għas-sussidjarji tal-“ Government Investments” (MGI) kif ukoll isservi bħala konsulent għall-Kabinett tal-Ministri u aġenziji oħra.
Said qal li hu qatt ma ta l-ebda tip ta’ preżentazzjoni lill-Kabinett bħala Mimcol. Qal li Said minn dakinhar, hu kien irrifjuta diversi offerti ta’ xogħol ġejjin mill-Gvern. L-Imħallef Abigail Lofaro rreferiet dwar dak li qal aktar kmieni u r-raġuni għar-riżenja.
Il-Ministeru kien jimponi fuq “Projects Malta”
Filwaqt li l-Avukat Comodini Cachia staqsiet lix-xhud jekk ir-raġuni wara r-riżenja kinitx minħabba li l-Ministeru kienu jimponi fuq “Projects Malta”, filwaqt li mal-Mimcol ma kienx hemm din it-tip ta’ interferenza.
Ix-xhud wieġeb fl-affermattiv u żied jgħid li fl-opinjoni tiegħu l-RFP fil-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kellu jkun itwal. “Dak iż-żmien, ħassejt li ma kellix nibqa’ fi ħdan Projects Malta,” qal Said, filwaqt li żied jgħid li kien hemm raġunijiet personali oħra.
L-Avukat Jason Azzopardi staqsa lil Said jekk il-ftehim tal-privatizzazzjoni tal-isptar lis-settur privat kienx l-akbar konċessjoni li ngħatat mill-Gvern fl-aħħar snin, bix-xhud iwieġeb fl-affermattiv.

Ix-xhud qal ukoll li l-memorandum ta’ ftehim iffirmat f’Ottubru tal-2014 bejn il-Gvern, il-Ministeru għall-Finanzi u l-Vitals Global Healthcare.sar jaf dwaru riċentament minn rapporti fuq il-midja,.
uq mistoqsija tal-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino, Said qal li meta kienet tħabbret il-kumpanija ppreferuta, il-laqgħa kienet saret fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju tal-2015.
Qal li hu ma kienx mistieden għal din il-laqgħa u kien staqsa min kien mistieden u kienu qalulu xi konsulenti u persuni oħrajn minn “Projects Malta”. Sa dak iż-żmien, hu kien diġà rreżenja u daħal fl-irwol mhux eżekuttiv fi “Projects Malta”.
Sostna li John Valenzia, Eman Schembri u William Waitt minn “Projects Malta” iżda kienu preżenti. L-Avukat Azzopardi rrefera għar-rapport tal-NAO, b’Said jgħid li hu qatt ma kien issejjaħ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar. U li sar jaf dwar l-MoU mir-rapport.
Ix-xhud tenna li hu mar lura u vverifika l-minuti. Spjega li meta kien hemm iċ-ċans, ħarġu diversi ideat għall-użu potenzjali tal-Isptar San Luqa. Dak iż-żmien il-Gvern kien qed iħares lejn sptar għar-rijabilitazzjoni.
Sadanittant qal li meta vverifika mal-minuti, sab li f’Jannar tal-2015, kienu ddiskutew il-possibilità li jkollhom “administration city”, jiġifieri li ċertu aġenziji tal-gvern ikunu rilokati fl-Isptar San Luqa.
Tpoġġa fil-kariga minn Konrad Mizzi
Wara beda jixhed William Wait li qal li huwa Chairman mhux eżekuttiv tal-Malta Enterprise u li fl-2014 kien iċ-Chairman tal-Water Services Corporation fejn kien tpoġġa f’dan l-irwol direttament minn Konrad Mizzi.
Qal li meta bdiet Projects Malta f’April tal-2014, hu kien tpoġġa Direttur. F’Mejju tal-2015, hu kien tpoġġa bħala Deputy Executive Chairman ta’ Projects Malta u wara ħa post Said.
L-Imħallef Lofaro staqsietu dwar il-kumpaniji li hu involut fihom fejn qal li hemm numru ta’ kumpaniji u li huwa impossibbli li jiftakarhom kollha.
Fil-fatt semma biss uħud minnhom.
L-Imħallef Lofaro semmiet kumpanija Ċiniża fejn qal li dik il-kumpanija hija tiegħu u li hija involuta f’Hong Kong. Hi staqsiet ukoll dwar TUM Finance u jekk din kinitx relatata ma’ Yorgen Fenech.
Hu wieġeb fin-negattiv u qal li din kienet propjetà ta’ Anthony Fenech, li jiġi minn Yorgen Fenech.Ikkonferma li bħala Direttur mhux eżekuttiv ta’ diversi kumpaniji għandu ħafna kunflitti ta’ interess u qal li meta dan jiġri jara li jiskuża ruħu mil-laqgħa li tkun għaddejja fejn saħaq li jogħod ferm attent.
Mhux waħdu kellu kunflitt ta’ interess
Wait qal li ma jistax jispjega għaliex hu kien ikkritikat għall-kunflitti ta’ interess, meta kien hemm oħrajn li kellhom din l-istess problema.
Tenna li “Projects Malta” ma kellha l-ebda kuntatt ma’ Keith Schembri u ftit li xejn kuntatt ma’ Joseph Muscat.
Qal li huma kienu jirċievu direzzjonijiet mis-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi. Qal ukoll li “Projects Malta” ma kellha l-ebda involviment mal-ftehim dwar l-Electrogas u bdiet wara li l-ftehim kien diġà fis-seħħ, qal ix-xhud. Hu ċaħad li kien hemm xi involviment fil-ftehim.
Dwar il-fatt li “Projects Malta” ma kinitx trasparenti u li kien diffiċli li xi ħadd jikseb informazzjoni mingħandha, x-xhud qal li kull darba li ntalbet informazzjoni, huma dejjem tawha b’mod sħiħ. Qal li din tgħaddi mingħand ċertu Alfred Camilleri.
Ingħataw 138 “direct order”
Ix-xhud sostna li sakemm kien tpoġġa Chairman, il-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-isptar kien diġa għadda mill-proċess ta’ evalwazzjoni. L-Imħallef Lofaro tkellemt dwar 138 ‘direct order’ kienu ngħataw minn Projects Malta. Ix-xhud qal li dan jista’ jkun għax kienu saru ħafna direct orders.
Qal li d-direct orders kienu jkunu deċiżi minn kumitat li jikkonsisti minnu stess, iċ-Chief Financial Officer u Joe Cuschieri, id-Deputy Chair.
Sostna li dawn imbagħad kienu jgħaddu lis-Segretarju Permanenti. Tenna li Konrad Mizzi ma kienx ikun involut fl-għoti tad-direct orders.
Huwa kompla jgħid li “Projects Malta” kienet qed tfittex li tiżviluppa u ssebbaħ aktar it-toroq. Wait qal li Projects Malta kienet qed tħares ukoll lejn propjetà. Hawn semma x-Chalet f’Tas-Sliema li baqa’ ma sar xejn fuqu. Qal li hija ħasra li x-Chalet baqa’ abbandunat u li dan huwa dnub. Semma wkoll proġetti oħrajn, inkluż skola internazzjonali u l-ITS.
Dwar is-sit li fuqu qabel kien hemm l-ITS u li dan għadda lill-Grupp DB. Wait qal li l-proċess kien simili ħafna għall-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Qal li Projects Malta ffaċilitat il-proċess.
Ix-xhud ikkonferma li Konrad Mizzi kien responsabbli għal Projects Malta meta kien Ministru għas-Saħħa. “Projects Malta” kienet tneħħiet mill-portafoll tiegħu meta dan sar Ministru għat-Turiżmu.
Kienet l-Avukat Comodini Cachia li saqsiet dwar is €700,000 direct order lill-kumpanija Maniera li ngħatat bejn Lulju u Diċembr tal-2016 għall-konsulenza dwar elettriku arkitettorali.
Wait spjega li Maniera kienet tħallas €700,000 biex tipprepara l-proġett tal-ITS li ma sarx. “Il-ħlas sar,” qal Wait. Ix-xhud qal ukoll li kien ingħata erba’ direct orders wara li telaq minn “Projects Malta”.
Staqsewh jekk dak kienx minħabba li hu kien diġà qed jaħdem fuq il-proġetti qabel ma kien telaq minn “Projects Malta”. Wait qal li hu kien ingħata erba’ direct orders inkluż waħda relatata max-Chalet.
Hu kkjarfika li ma kienx qed jaħdem fuq dawn il-proġetti qabel ma telaq.
Qal li kellu wisq affarijiet f’idejh u b’hekk kien irreżenja. Qal li hu ma kienx iħobb il-kontroversji u li xi ħadd ikun ikkritikat għax jagħmel xi ħaġa.
L-Avukat Jason Azzopardi qara parti mir-rapport tal-NAO. L-Awditur Ġenerali osserva li l-korrispondent residenzjali tal-proġett tal-ITS kien ingħata espożizzjoni limitata. Wait qal li l-kelma “limitata” hija suġġettiva.
L-NAO qalet li l-valur tal-art tal-ITS kien ta’ €67 miljun, jiġifieri €11-il miljun aktar minn dak li kien mifthiem bejn il-grupp DB u l-Gvern. Dwar il-konċessjoni tal-ITS,
Wait qal li hu kien inkarigat bl-amministrazzjoni tal-konċessjoni. Wait qal li ma marrux id-dipartiment tal-kuntratti minħabba li kienet konċessjoni.
L-Imħallef Mallia intervjena, “għandek sit li jiswa l-miljuni ta’ ewro u tiddeċiedi li żżomm kollox għalik u ma tinvolvix lill-Kumitat tal-Kuntratti?”
Wait qal li l-valutazzjoni ta’ Deloitte kienet aktar ogħlja. Wait qal li hu ma kellu l-ebda kuntatt mal-eks Ministru Konrad Mizzi. Qal li hu kien jitkellem ma’ Ronald Mizzi dak iż-żmien.
Il-Bord staqsa jekk “Projects Malta” kinitx involuta fil-proġetti tal-Montenegro u ċ-Ċina. Ix-xhud qal li le, la kellha x’taqsam mal-proġetti u lanqas mal-kuntratti.
L-inkjesta li trid tara jekk l-istat setax jagħmel xi ħaġa biex jevita il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u li hija mmexxija mill-eks Imħallef Michael Mallia, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro se tkompli il-Ġimgħa, 28 ta’ Awwissu meta għandu jixhed Alfred Camilleri mill-Ministeru tal-Finanzi.
L-Erbgħa 2 ta’ Settembru se jixhdu l-Inġinir James Camenzuli u l-Ministru Michael Farrugia. Il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru għandu jkompli x-xhieda tiegħu l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u jekk dan għal xi raġuni ma jkunx jista’ jattendi, se jintalab jixhed l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech.
//= $special ?>