Lokali

AĠĠORNATA: Jason Caruana rilaxxat mill-Pulizija

Iż-żewġ kompliċi għadhom ma ġewx lokalizzati

Jismu Jason Caruana r-raġel li ġie miżmum mill-Pulizija b’rabta mal-arrest ta’ Daniel Muka, wara li l-Pulizija fil-bidu tal-ġimgħa skoprew li l-Malti kien qed jagħti refuġju lill-Alabaniż li huwa s-suspettat ewlieni fil-każ tal-qtil doppju f’Tas-Sliema.

Is-sorsi tagħna żvelaw li Caruana, li għandu 41 sena, qatta’ l-lejl fil-lockup tad-Depot fejn dalgħodu kompliet l-interrogazzjonijiet. Jassistu lil Jason Caruana kien hemm l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.

Ir-raġel, magħruf bil-laqam Xamula Power, jgħix fil-post fejn seħħ ir-raid tat-Tlieta fil-Furjana.

Caruana ġie rilaxxat mid-Depot tard illejla.

Il-post fejn jgħix Jason Caruana
Nico Agius

L-istess sorsi mid-Depot ikkonfermaw ukoll li fl-istess operazzjoni, il-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit (SIU) flimkien mal-uffiċjali mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri żammew ukoll liż-żagħżugħ Nico Agius.

Hu ġie rilaxxat it-Tlieta stess għall-ħabta tat-3:30pm.

Dan ir-raid tal-bieraħ kien koordinat ukoll bis-sehem tal-esperti forensiċi tal-Korp, u diversi uffiċjali oħra li ilhom ġimgħa sħiħa għaddejin b’ħidma biex jissolva dan il-każ.