Sport Sport Ieħor

Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja se ssir iżda b’diversi restrizzjonijiet li dawk involuti jridu jsegwu

(Ritratt: Martin Agius)

Aħbar pożittiva għad-dilettanti tar-Regatta hekk kif il-President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor Stephen Paris ħabbar li r-Regatta ta’ Jum il-Vitorja se ssir iżda b’xi miżuri ta’ restrizzjoni. Din is-sena kienet diffiċli ħafna għal dan l-isport minħabba li kawża tal-Covid-19 kellha titħassar ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu filwaqt li tul dawn l-aħħar xhur kien hemm inċertezza dwar l-edizzjoni tat-8 ta’ Settembru.

Għal Paris li għalih se tkun l-aħħar Regatta bħala President tal-Għaqda, hu mument ta’ sodisfazzjon wara ħidma bla waqfien biex jikseb il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Għal din l-attività nħoloq protokoll mediku apposta, bit-talba tal-President hi li kulħadd isegwi dawn il-miżuri biex ir-Regatta ssir kif mixtieq.

Dakinhar tar-Regatta, mhu se jitħalla ħadd jidħol fuq il-mollijiet ta’ Pinto 4 u 5, fi kliem ieħor ir-Regatta se ssir mingħajr spettaturi fuq il-moll tal-Belt Valletta. Il-klabbs kollha se jmorru għat-tlielaq mill-klabbs rispettivi tagħhom u fit-technical area, l-ammont ta’ nies se jkun ridott għal 15-il persuna biex ikunu konformi mal-liġi.

Il-poloz se jitilgħu l-Ħamis 3 ta’ Settembru fil-Kumpless tal-Kottonera f’Bormla fit-3.00pm. Dawn se jitilgħu bil-bibien magħluqa u l-poloz se jixxandru b’mod dirett fuq facebook. Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja se tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjon nazzjonali, b’netnews.com.mt se jkun qed iżomm lid-dilettanti tar-regatta b’mod aġġornat tul it-tlielaq.