Raġel ta’ 58 sena, li meta kien għadu tifel kien ġie abbużat mill-mara ta’ missieru, qiegħed ifittex ġustizzja u jappella lill-Qrati biex ineħħu l-limitu massimu ta’ żmien sakemm wieħed jista’ jirrapporta abbuz sesswali.
Dan l-istess raġel qed jinsisti li hu aċċetta dak li ġralu ftit tas-snin ilu, u kien wara dan kollu li beda jfittex li ssir ġustizzja. Madanakollu, l-liġi Maltija tgħid li hu ma jistax ifittex lil dawk li abbużawh għax ghaddew aktar minn 15-il sena mill-abbuż, u l-każ jiġi preskritt.
F’rikors Kostituzzjonali ppreżentat kontra l-Avukat Ġenerali, fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ir-raġel qal li matul it-tfulija tiegħu hu safa abbużat sesswalment mill-mara ta’ missieru. Żied jgħid li missieru kien konxju tal-abbuż li dam diversi snin, u li kien beda meta kellu madwar tmien snin.
Huwa qal li ta’ dik l-età kien għadu żgħir biex jifhem dak li kien qed jiġrilu.
Ir-raġel ħa ħafna snin biex jasal biex jgħid li kien vittma ta’ abbuż u llum għadu jsofri r-riperkussjonijiet psikoloġiċi u emozzjonali ta’ dan l-abbuż.
Hu infatti qed jappella biex ikun hemm tibdil fil-liġi Maltija, biex ma jkunx hemm limitu ta’ żmien sa meta int tista’ tfittex li ssir ġustizzja għal dak li ġara snin ilu.
Ir-raġel qal li dan kollu jikkostitwixxi ksur tad-dritt tiegħu għal proċess ġust, id-dritt tiegħu li ma jiġix soġġett għal trattament inuman u d-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, skont il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-rikors kien iffirmat mill-avukati Lara Dimitrijevic u Andrew Sciberras.
//= $special ?>