Lokali

Jitlef ħajtu r-raġel li waqa’ minn fuq sellum fil-Belt

Sfortunatamanet tilef ħajtu r-raġel ta’ 58 sena residenti l-Belt Valletta li t-Tnejn filgħaxija sofra ġrieħi serji wara li waqa’ minn fuq sellum.

Mario Mintoff kien persuna rinomat ferm bil-Belt Valletta hekk kif diversi persuni u għaqdiet sellmu l-memorja tiegħu fuq il-midja soċjali fosthom il-Komunità Agostinjana, l-Għaqda tal-Pawlini u l-komunità Dumnikana fil-Belt.

Mario kien deskritt bħala ġentlom li kien iqatta’ ħafna ħin f’ħidma b’risq il-komunità Beltija.

Ilbieraħ, fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9p.m. tat-Tnejn fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta. Skont l-ewwel stħarriġ mill-Pulizija tad-Distrett jirriżulta li r-raġel kien fuq sellum ineħħi pavaljun fl-imsemmija triq meta għal xi raġuni tilef il-bilanċ u waqa’.

Tim mediku ħa lir-raġel l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn iktar tard kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Il-pulizija qed tinvestiga l-inċident.