Lokali

Mhux qed isiru surveys mill-Partit Nazzjonalista; Jitkellem Francis Zammit Dimech

https://www.youtube.com/watch?v=xPfTZGp-km8

Miexi b’ritmu tajjeb ħafna l-process li se jwassal għal elezzjoni ta’ Kap tal-Partit. Fintervista, Francis Zammit Dimech fakkar kif il-PN mhux qed jagħmel u mhux ser ikun qed jagħmel surveys dwar din l-elezzjoni.

Għal din il-kariga, wrew l-interess tagħhom Adrian Delia u Bernard Grech; żewġ avukati li bħalissa għaddejin minn proċess ta’ due dilligence li daħal fit-tielet ġimgħa tiegħu, u jista’ jieħu sa massimu ta’ sitt ġimgħat. Dwar dan tkellem is-Segretarju Generali tal-PN Francis Zammit Dimech waqt intervent fuq Net FM. Hu semma’ li meta jiġu biex jivvutaw it-tesserati, ser ikollhom stampa ċara ta’ dak li se joħroġ mill-proċess ta’ due dilligence.

Dan il-proċess jaqa’ taħt il-Kummissjoni Kandidati li qed titmexxa minn Colin Bowman li ħatar panel ta’ tliet min-nies serji u integri; Antonio Girlando, Clyde La Rosa u Mario Galea. Fracis Zammit Dimech saħaq li ż-żewġ persuni li wrew interess kellhom sal-bidu ta’ din il-ġimgħa biex jipprovdu d-dokumenti kollha mitluba, xi ħaġa li t-tnejn għamlu fil-ħin. Din l-informazzjoni kienet marbuta ma’ kontijiet bankarji, ma propjetà u responsabilitajiet oħra fosthom dokumenti marbuta mat-taxxa.

Kif jintemm dan il-proċess, tibda verifika oħra dik ta’ eżerċizzju li juri kemm il-persuni msemmija jistgħu jassumu l-kariga ta’ Kap tal-PN.

Intant, wara li r-regolamenti għal din l-elezzjoni ta’ Kap tal-PN marru għand il-kunsilliera, tressqu żewġ emendi, fosthom waħda li tikkonċerna lit-tesserati, li dwara tkellem is-Segretarju Ġenerali tal-partit.

Dawk kollha li jixtiequ aktar informazzjoni rigward din l-elezzjoni fil-PN jistgħu jċemplu fuq in-numri; 99360834, 99360849, 99360864.