Lokali Qorti

Mixli li seraq mobajl ta’ Pulizija li qal li sab fuq ‘bus stop’

Slobodan Pavlovic ta’ 43 sena mis-Serbja ġie mixli li fi-12 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tat-3.15am. kkommetta serq ta’ mobajl li huwa propjetà ta’ membru tal-Korp tal-Pulizija. Pavlovic li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih qal li huwa sab dan il-mobajl fuq ‘bus stop.’

Is-Serb li huwa minn Belgrad, li jgħix Buġibba,  u li jaħdem fil-Kostruzzjoni tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mill-Ispettur Colin Sheldon li qal li l-persuni li bdew iċemplu lil dan il-Pulizija partikolari bdew jaqbdu lill-akkużat.

Il-mobajl li jiswa aktar minn €233 imma anqas minn €2,333 minn Tigne f’Tas-Sliema. Il-Prosekuzzjoni qalet li Pavlovic għandu kondotta nadifa u fuq din il-bażi l-Avukat Mark Mifsud Cutajar għamel talba għal libertà proviżorja.

Il-Qorti staqsiet jekk sarux verifiki internazzjonali dwar il-kondotta tal-akkużat bil-Prosekuzzjoni twieġeb fin-negattiv. Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li huwa mportanti li jsiru tali verifiki.

Wara qam l-argument dwar jekk l-akkużat għandux permess ta’ xogħol f’Malta u rriżulta li peress li s-Serbja ma tagħmilx parti mill-Unjoni Ewropea, għandu bżonn ‘working permit’ liema permess kien ħareġ fuq il-kumpanija li tħaddmu u li issa m’għadux magħha, u li skont l-imputat se jerġa’ jibdel l-impieg.

Fid-dawl tal-fatt li s-Serb mhux regolarizzat, il-Qorti talbet biex isiru verifiki fuqu ma’ Identity Malta u Jobs Plus. Sadanittant irriżulta li l-akkużat m’għandu l-ebda rabtiet ma’ Malta. Għaldaqstant il-Qorti ċaħditlu t-talba għal libertà proviżorja.