Sport Waterpolo

Neptunes jagħtu lezzjoni u twissija ċara lil Sliema

Stewart Said

NEPTUNES………………………… 14

SLIEMA FRANK SALT………….. 4

(4-0), (4-1), (2-2), (4-1)

B’wirja superlattiva, iċ-champions Neptunes ġabu fix-xejn lil Sliema Frank Salt. Qabel il-partita, ftit bassru li l-logħba seta’ jkollha dan ir-riżultat iżda Neptunes niżlu fl-ilma b’konċentrazzjoni kbira u bi prestazzjoni professjonali. Din bla dubju kienet l-aqwa prestazzjoni tal-istaġun għal Neptunes hekk kif din il-logħba tista’ tkun l-iżvolta għalihom biex isibu l-konsistenza f’livell għoli ta’ prestazzjonijiet.

Sliema ddiżappuntaw bil-kbir. Mentalment dehru li ma ħassewx biżżejjed l-importanza tal-logħba. Jekk Sliema jridu jirbħu l-kampjonat, il-prestazzjoni trid tkun bil-wisq aħjar. Għalkemm il-kowċ Sergio Afric kellu biss tliet plejers x’jibdel minħabba n-nuqqas ta’ Jamie Gambin u żgħażagħ oħra fit-tim, żgur mhix skuża għall-iżbalji li saru waqt il-logħba. Ta’ min jinnota li fuq il-bankina kien hemm ir-ritorn tal-leġġenda John Soler li ma niżilx fl-ilma iżda kien fl-iskwadra wara nuqqas ta’ kważi erba’ snin.

Neptunes ma setgħux kellhom bidu aħjar hekk kif rebħu l-ewwel sessjoni 4-0 filwaqt li ħolqu gaġġa quddiem il-gowlkiper Alan Borg Cole u għamluha diffiċli għas-Slimiżi biex jiskorjaw.

L-andament fit-tieni sessjoni baqa’ l-istess. Neptunes żammew il-konsistenza fil-logħob tagħhom. Preċiżi fl-attakk u solidi fid-difiża, b’Sliema dehru bla ideat biex jiftħu lill-avversarji u jimpenjaw serjament lil Alan Borg Cole. Kien Michael Spiteri Staines li qabbeż fuq il-gowlkiper ta’ Neptunes u naqqas id-distakk għal 4-1 iżda Gabriel Pace wieġeb minn man-up kordinat, bl-istess plejer jerġa’ jżid l-iskor. Iż-żgħażagħ Jake Muscat u Nikolai Zammit komplew ikabbru d-distakk b’żewġ gowls mill-isbaħ.

Sliema tejbu l-prestazzjoni fit-tielet sessjoni iżda ma kinitx biżżejjed. Tal-anqas kien hemm aktar rieda fl-attakk għalkemm ma kinux preċiżi. It-tielet sessjoni ntemmet f’parità b’Neptunes iwieġbu darbtejn wara l-gowls tas-Slimiżi. Neptunes baqgħu l-aħjar tim anki fl-aħħar sessjoni b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri, James Spiteri Staines u gowl sabiħ taż-żagħżugħ Sam Gialanze.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (3), L. Calleja, G. Pace (2), S. Busuttil, J. Spiteri Staines (1), S. Camilleri (4), J. Camilleri (1), J. Abela, N. Zammit (2), S. Stellini, S. Gialanze (1), B. Busuttil, M. Castillo, M. Farrugia

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea, J. Sciberras, M. Meli (2), B. Cachia, M. Spiteri Staines (2), J. Soler, J. Brownrigg, Z. Mizzi, N. Bugelli, Z. Sciberras

Referees: Peter Balzan, Mario Dalli

Faċli għal San Ġiljan

SAN ĠILJAN TUM INVEST…… 12

SIRENS MECCA MARIN……….. 2

(4-1), (6-0), (2-1), (0-0)

L-isfidanti għar-rebħ tal-kampjonat San Ġiljan TUM Invest ftit tħabtu biex għelbu lil Sirens Mecca Marin. Konfront kwiet li iżda ttrasforma ruħu bla storja hekk kif San Ġiljan bdew jiddominaw minn kmieni u wara li Andreas Galea għamel l-iskor 4-0 minn penalty, ftit kien hemm dubju fejn setgħu jmorru t-tliet punti.

Il-Ġiljaniżi b’hekk baqgħu b’punti massimi wara tliet partiti fil-kampjonat filwaqt li Sirens baqgħu mingħajr punt. Din il-logħba kienet importanti wkoll biex il-kowċ Dorian Pisani jaħdem aktar fuq ċertu skemi tat-tim Ġiljaniż. San Ġiljan skorjaw sitt gowls mingħajr risposta fit-tieni sessjoni. Il-gowls waslu minn tripletta ta’ Ben Plumpton, doppjetta ta’ Dino Zammit u gowl tal-captain Matthew Zammit.

Wara l-mistrieħ, Matthias Azzopardi skorja t-tieni gowl ta’ Sirens filwaqt li Matthew Zammit skorja doppjetta. Fl-aħħar sessjoni, l-ebda tim ma rnexxielu jsib ix-xibka, f’sessjoni li fiha ż-żewġ kowċis għamlu iktar rotazzjoni filwaqt li anki sejħu time-outs lejn it-tmiem biex jippruvaw skemi tattiċi.

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea (1), D. Ciantar, M. Mannino, M. Zammit (3), B. Plumpton (4), J. Bonavia, Z. Micallef, Da. Zammit (1), P. Fava, Di. Zammit (3), G. Vassallo, M. Ortoleva

Sirens: J. Parnis, J. Ciantar, K. Erdogan, G. Melillo, L. Galea, T. Said, L. Falzon, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), M. Azzopardi (1), G. Galea Curmi, G. Farrugia, G. Sammut

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri