Lokali Qorti

Aldo Cutajar jingħata l-libertà proviżorja

Biżżejjed provi sabiex jitqiegħdu taħt att ta' akkuża

L-eks Konslu ta’ Shanghai, Aldo Cutjar kif ukoll il-mara tiegħu, Isabel Cutajar, ngħataw il-libertà proviżorja wara li ssoktat il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tagħhom.

Quddiem il-Qorti, taħt it-tmexxija tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tal-koppja Cutajar.

L-ewwel xhieda kienet Catherine Portelli li ġiet mistoqsija mill-Prosekuzzjoni dwar vettura tat tip Kia Sorrento fuq isimha madanakollu saħqet li din il-vettura partikolari kienet biegħatha lura fl-2018 lill-mechanic tagħha Robert Cauchi – tant u hekk li ankè in-numru tal-pjanċi kienu differenti minn tagħha. Madanakollu ma għarfitx lill-imputati.

Ix-xhud l-ieħor kien Daniel Miles Ashforth, yacht broker, xehed li urihom dgħajsa partikolari li tlaħħaq il-valur ta’ €625, 000 – imma saħaq li ma offrew l-ebda offerta u insista li ma sar l-ebda kuntratt.

Il-koppja Cutajar qed tiġi akkużata b’rabta ma’ ħasil ta’ flus kif ukoll li akkwistaw proprjetà minn flejjes li ġew minn attività kriminali. Madanakollu, l-akkużati qed jgħidu li huma għandhom kollox irregolarizzat, inkluż il-kont ta’ €300,000 li kienu fetħu f’Dubai.

Minn tfittxija li saret mill-Pulizija fir-residenza tal-koppja fin-Naxxar, proprjetà li nxtrat minnhom sentjen ilu, instabet is-somma ta’ €500,000 fi flus kontanti.

Il-Maġistrat Frendo Dimech saħqet li hemm biżżejjed provi sabiex jitqiegħdu taħt kap ta’ akkuża. Dan filwaqt li mingħajr l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, il-koppja ngħatat il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000. Dan fuq numru kundizzjonijiet fosthom li jiffirmaw fl-Għassa tan-Naxxar, ma jsifrux u jkunu d-dar bejn il-11 ta’ filgħaxija u 6 ta’ filgħodu. Id-Difiża talbet sabiex titneħħa l-ordni tal-iffriżar tal-assi tal-akkużati, talba li ġiet miċħuda mill-Maġistrat.

Aldo Cutajar, li jiġi proprju ħu l-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar, fl-2018 inħatar bħala s-suċċessur ta’ Sai Mizzi, l-mara tal-eks Ministru Konrad Mizzi.

Dan kollu wara li meta lura fl-2004 Cutajar kien Prinċipal Anzjan fil-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, huwa tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi, fost oħrajn.

Fit-2 ta’ Frar 2005, Aldo Cutajar ammetta l-akkużi fil-konfront tiegħu u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, b’interdizzjoni perpetwa. Madankollu inqas minn xahrejn wara, il-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li tneħħi l-interdizzjoni perpetwa.

Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku kienet investigat il-każ skont ir-regoli fis-servizz pubbliku u fis-16 ta’ Ġunju 2005 irrakkomandat li l-interdizzjoni imposta fil-konfront ta’ Aldo Cutajar titneħħa skont kif iddikjarat il-Qorti.

Għall-koppja qed jidhru l-Avukati Roberta Bonello u Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Lianne Bonello.

Il-każ mistenni jkompli fis-6 ta’ Ottubru.