Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Daniel Muka jitressaq il-Qorti

It-tieni suspettat għadu qed jiġi interrogat

L-Albaniż Daniel Muka baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, b’rabta mad-delitt li seħħ fi Triq Locker f’Tas Sliema l-ġimgħa li għaddiet.

Kelliema għall-Prosekuzzjoni, mmexxijja mill-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon – saħqu li mill-filmati ta’ kameras tas-sigurtà miġbura fiż-żona, jidher b’mod ċar l-akkużat Daniel Muka, flimkien ma’ żewġ persuni oħra ħerġin mir-residenza tal-vittmi; Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski.

Filwaqt li l-Albaniż ta’ 29 sena, residenti l-Furjana, ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti ordnat sabiex b’mod immedjat ikolli l-assi tiegħu kollha friżati filwaqt li tiġi kkonfiskata kull proprjetà taħt ismu.

Filwaqt li d-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, ġiet mitluba l-assistenza ta’ espert psikjatriku sabiex jiġi eżaminat l-istat mentali preżenti ta’ Muka. Huma ċċaraw li din l-assistenza hemm bżonnha kawża tas-sitwazzjoni preżenti li Muka qiegħed fiha, u mhux b’rabta ma’ waqt jew qabel ma’ seħħ l-omiċidju doppju, li allegatament kellu sehem fih l-istess Muka.

Huwa ser ikun qed jiġi assistit mit-tabib Anthony Zahra.

Fil-Qorti spikkat il-preżenza qawwija ta’ uffiċjali mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri. Preżenti fil-Qorti kien hemm ukoll qraba ta’ Chris Pandolfino.

Għall-Muka deheru l-Avukat Noel Bianco u l-Avukat George Buttigieg, filwaqt li għall Prosekuzzjoni l-Ispettur James Grech u Colin Sheldon. Parte Civile l-Avukat Roberta Bonello u l-Avukat Joe Giglio.

Daniel Muka kien ġie arrestat jumejn ilu wara raid tal-Pulizija fuq residenza fi Triq San Franġisk, il-Floriana.

Muka allegatament huma parti minn grupp ta’ erba’ li kienu kompliċi fid-delitt doppju ta’ Pandolfino u Maciejowski.