Internazzjonali

Covid-19: Franza qed tiffaċċja spinta ta’ każi ‘innegabbli’

Il-Prim Ministru ta’ Franza, Jean Castex, qal li l-preżenza tal-coronavirus qalb il-popolazzjoni Franċiża hi erba’ darbiet akbar minn ta’ xahar ilu u li, illum, 21 zona fil-pajjiż huma identifikati bħala ‘zoni ħomor li jikkategorizzaw il-firxa tal-infezzjonijiet’.

Castex qal li l-epidemija qed iżżid fost il-Franċiżi u ‘issa hu ż-żmien li l-awtoritajiet relevanti jintervjenu’. Nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha għandu jwassal biex il-kriżi tikbar b’rata li kapaċi ssir, ftit jew wisq, inkontrollabbli.

Għalkemm jidher li l-infezzjonijiet żdiedu l-aktar fost il-Franċiżi żgħażagħ, qed jiddaħħlu l-isptar medja ta’ 800 pazjent fil-ġimgħa. Ir-rata tat-trasmissjoni fi Franza issa hi kalkulata mal-1.4 u Castex wissa li ‘il-virus qed jinfirex mal-pajjiż kollu’.

Waqt li qal li l-Gvern Franċiż se jagħmel kulma jista’ biex jevita lockdown ‘għal kulħadd’, hu minnu li l-Ministeru tas-Saħħa f’Pariġi qed ifassal pjani għal lockdowns fuq bażi lokali – u anki fuq livell nazzjonali f’każ li s-sitwazzjoni tiggrava.

Il-Prim Ministru Franċiż qal ukoll li n-nies kollha f’Pariġi se jkunu rikjesti biex jilbsu bilfors maskra tal-wiċċ f’kull sezzjoni tal-kapitali. Il-miżura, għalissa, hi effettiva ‘biss’ għal diversi tsoroq u zoni prinċipali tal-belt.

Il-Ministru tas-Saħħa Franċiż, Olivier Veran, wiegħed, intant, li jżid il-proċess tat-testijiet għall-Covid-19 (fi Franza) sal-punt fejn ilaħħqu mal-miljun test fil-ġimgħa matul ix-xahar ta’ Settembru.