Lokali

COVID-19: It-test fuq il-banek għadu ġej

It-test reali tal-banek għadu ġej. Il-banek iridu juru li jistgħu jadattaw għar-realta’ ġdida ta’ ambjent ekonomiku fl-isfond ta’ restrizzjonijiet marbuta mas-saħħa pubblika.

Sostna dan Joseph F.X. Zahra, ekonomista u eks Chairman tal-Bank of Valletta f’kumment dwar kif il-pandemija qed tolqot is-settur bankarju lokali. F’intervista ma’ The Malta Business Observer, Zahra qed ibassar li fix-xhur li ġejjin il-banek se jkunu taħt pressjoni ikbar, hekk kif se jiżdiedu t-talbiet għal sostenn finanzjarju f’żidiet f’overdrafts jew moratorji f’loans.

Dan minbarra li l-wage supplement li daħħal il-Gvern f’April mistenni jiġi fi tmiemu x-xahar d-dieħel u mistenni jwassal għal inċertezza fost ħafna ħaddiema li jistgħu jispiċċaw b’ħin ta’ xogħol imnaqqas u konsegwenza ta’ dan, isibu ruħhom f’diffikulta biex iħallsu self li jkollhom mal-banek.

The Malta Business Observer tirrapporta li sa issa, il-Bank of Valletta diġa’ approva moratorju fuq is-self għal iktar minn 3,000 klijent, li 70 fil-mija m’humiex loans kummerċjali.

Għalkemm diversi chairmen u kapijiet ezekuttivi ta’ banek f’Malta ma jafux kemm il-banek jistgħu idumu jagħmlu dan, partikolarment jekk l-effetti fuq l-ekonomija jibqgħu ikaxkru anki sas-sena d-dieħla.

Fuq livell Ewropew, John Cassar White, eks Chairman ieħor ta’ Bank of Valletta, qal li meta tgħaddi l-pandemija, xorta waħda se jkun hemm negozji li ma jkunux wasslu u ma jeskludix il-possibilita’ li Gvernijiet ikollhom idaħħlu iktar taxxi.

Dan wara li Gvernijiet taw garanziji lill-banek sabiex ikomplu joffru self lil negozji li sabu ruħhom f’diffikultajiet minħabba l-effetti tal-pandemija.

Cassar White qal li minħabba d-diversi miżuri li ttieħdu, id-dejn nazzjonali se jerġa’ jiżdied u gvernijiet ma jistgħux jibqgħu jissellfu għal dejjem.

Għaldaqstant, xi forma ta’ tassazzjoni hi inevitabbli, tenna John Cassar White.