Coronavirus Lokali

Ġest ta’ protesta minn naħa tal-Kamra tal-Ispiżjara

Se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-miżuri jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika.

F’xenarju li fih qed naraw żieda qawwija fil-każijiet pożittivi għall-COVID-19 wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet f’Ġunju li għadda mill-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu, il-Kamra tal-Ispiżjara qiegħda tagħti direttiva lill-Ispiżjara tal-Komunità biex jingħaqdu fi protesta simbolika.

Il-Kamra tal-Ispiżjara, fi stqarrija li ħarġet qalet li waqt li hi konxja tal-bżonnijiet ekonomiċi tal-pajjiż, is-saħħa hi ġid, u għaldaqstant ma taċċettax li s-saħħa tal-poplu tiġi wara l-ekonomija.

Il-Kamra tal-Ispiżjara bdew il-protesta l-Ħamis, 27 ta’ Awwissu 2020 mit-8am ’il quddiem.

Il-Kamra tal-Ispiżjara qed tikkundanna ripetutament it-tkaxkir tas-saqajn, il-konvenjenza politika u l-iskuża tal-irkupru tal-ekonomija li jieħdu preċedenza fuq il-pariri u l-għarfien ibbażati fuq ix-xjenza u l-mediċina għad-detriment  tas-saħħa tal-poplu.

Hekk kif għadna ninsabu f’nofs pandemija, ix-xogħol tal-ispiżjara hu aktar minn qatt qabel essenzjali u importanti fil-komunità.

Fl-istqarrija tagħha, il-Kamra tal-Ispiżjara sostniet li issa hu urġenti aktar minn qatt qabel – b’mod partikulari meta pajjiżna ra l-ewwel vittma ta’ COVID-19 minn meta tneħħew ir-restrizzjonijiet.

Matul din il-protesta se tkun qed titwaħħal faxxa ta’ drapp sewda fl-entratura tal-ispiżerija flimkien ma’ stqarrija ta’ spjegazzjoni lill-pubbliku filwaqt li l-ispizjara għandhom jilbsu żigarella sewda fuq il-pavru tal-lab coat bħala sinjal ta’ luttu għall-vittmi ta’ COVID-19 u għat-telfa ta’ sens komun, prudenza u rispett lejn il-front liners u l-vulnerabbli.