Qorti fi New Zealand ikkundannat lill-Awstraljan Breton Tarrant għal għomru l-ħabs mingħajr possibilità ta’ parole.
Tarrant, li għandu 29 sena, kien akkużat bil-qtil ta’ 51 persuna u l-attentat ta’ qtil ta’ 40 persuna oħra, kif ukoll b’att ta’ terroriżmu fl-istraġi ta’ Christchurch.
L-attakk, li seħħ f’Marzu u li kien ixxandar live fuq il-media soċjali, kien ixxokkja d-dinja.
Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Cameron Mander iddeskriva dak li għamel Tarrant bħala aġir ‘inuman’ u ‘bla ħniena’. Hu u jindirizza lill-akkużat, l-Imħallef qallu li lanqas jekk jinżamm il-ħabs sa ma jmut ma jkun biżżejjed biex ipatti għal dak li għamel.
Fis-smigħ li dam erbat ijiem, l-Imħallef għamel siegħa jfakkar lill-akkużat dwar kull persuna li qatel u li weġġa’.

Għomor ħabs hija l-akbar piena li teżisti fi New Zealand, u l-Imħallef insista li sentenza bħal din tingħata biss fl-aktar każi gravi ta’ omiċidju. Hu stqarr li jekk ma jagħtix sentenza ta’ għomor maqful f’dan il-każ, ma jtiha qatt.
Il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern f’reazzjoni għal din is-sentenza enfasizzat li issa li ngħatat is-sentenza, isem Tarrant m’għandux jerġa jissemma’ u m’hemmx lok li wieħed jagħtih importanza jew fama għal dak li għamel.
//= $special ?>