Coronavirus Futbol Sport

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA japprova l-aġġornament tal-protokoll mediku

Ilbieraħ waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, ġie approvat l-aġġornament tal-protokoll mediku b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus qabel ma’ jibda l-Kampjonat BOV Premier u l-Kampjont BOV Challenge League.

L-MFA ħabbret li l-Kampjonat BOV Premier se jibda ġimgħa tard minn dak skedat jiġifieri fl-20 u 21 ta’ Settembru filwaqt li l-Kampjonat BOV Challange League se jibda fil-25 u s-27 ta’ Settembru.

L-MFA qalet li dan il-protokoll mediku ġie preżentat lill-awtoritajiet tas-saħħa lokali li hu bbażat fuq il-protokoll mediku użat mill-UEFA għall-partiti internazzjonali u partiti Ewropej. Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo appella lill-Gvern biex jirrikonoxxi l-isport u jara li jkun hemm l-anqas distruzzjonijiet possibli.

Dr. Krill Micallef Stafrace, li huwa d-Direttur Mediku tal-MFA qal li l-punti prinċipali ta’ dan id-dokument mediku huma li se jkun qed isir kampjun ta’ tesitjiet li jsiru fuq membri u plejers tal-klabb għall-coronavirus, b’dawk li jirriżultaw pożittiv u dawk li jkunu f’kuntatt magħhom, jridu jiżolaw rwieħhom għal sebat ijiem.

L-MFA ħabbret ukoll li se tkun qed tipprepara protokoll mediku ieħor għall-Kampjonat Amateur u dak tal-Grassroots filwaqt li ħabbar li ġew imwaħħla numru ta’ cameras ġodda biex ikunu jistgħu jiġu mxanndra l-partitia tal-Kampjonat BOV Premier.