Coronavirus Futbol Sport

Interrotti l-preparamenti ta’ Chelsea għall-istaġun li ġej

Numru ta’ plejers mill-iskwadra ta’ Chelsea kellhom jitpoġġew fi kwarantina wara li rritornaw mill-vaganzi tagħhom b’konsegwenza li l-preparamenti tat-tim ta’ Frank Lampard kienut interroti.

Dan wara li fl-aħħar jiem il-Gvern Ingliża ħabbar numru ta’ destinazzjonijiet fosthom pajjiżna, fejn persuni li se jkunu qed jirritornaw minnhom iridu josservaw jiem fi kwarantina.

Chelsea kienu mpenjati sew f’dan is-suq tat-trasferimenti fejn diġa wettqu numru ta’ akkwisti importanti bi plejers bħal Hakim Ziyech, Timo Werner u Ben Chilwell. Kai Havertz u d-difensur Brażiljan Thiago Silva mistennija jissieħbu fl-iskwadra ta’ Frank Lampard fil-jiem li ġejjin.

Chelsea se jibdew it-tħejjijiet tagħhom għall-Premier League b’partita ta’ ħbiberija kontra Brighton fl-Annex Stadium nhar is-Sibt li ġej, fejn wara l-pandemija tal-coronavirus, din se tkun l-ewwel partita li se tara r-ritorn tal-partitarji fl-istadium.

Fl-aħħar jiem, il-Gvern Ingliż ħabbar pjan bi prova biex f’ċertu avvenimenti sportivi jitħallew jidħlu xi partitarji fl-istadium b’osservanza lejn il-protokolli tas-saħħa u dawk tad-distanza soċjali.