“Irrid li l-PN joffru serħan il-moħħ għall-familji u ekonomija li minnha jgawdi kulħadd.”
Hekk stqarr l-avukat Bernard Grech f’intervista li saritlu mill-ġurnalist Dione Borg waqt il-programm Magħkom fuq NET TV.
Bernard Grech semma’ kif il-pandemija tal-Covid-19 għadha fostna minkejja li l-Gvern ta perspettiva oħra fejn għażel li jigdeb lill-poplu Malti. Hu saħaq li hemm bżonn li bħala Partit ikun iktar sensittiv dwar dak li għaddejjin minnu in-nies… biex b’hekk ikunu jistgħu jgħixu f’serenità.
Hu qal li l-PN jrid jara lil kull individwu javvanza mingħajr ma’ ninjoraw fatturi importanti fil-pajjiż, fosthom il-korruzzjoni.
“Is-serenità ma rriduhix fil-politiċi, is-serenità rriduha fin-nies,” qal l-Avukat Bernard Grech. “Jien irrid nara lit-tesserati tagħna, l-anzjani tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, il-ġenituri u l-familji tagħna jkollhom moħħhom mistrih li b’ekonomija tassew b’saħħitha, ekonomija li tassew tpoġġi lil bniedem fiċ-ċentru tkun l-ekonomija li twieżen lil dawn in-nies u tkun tista’ verament tgħidilhom serħu raskhom għax dan il-Gvern iridkhom timxu ‘l quddiem”
Bernard Grech qal li hu mhux se jkun qed ikisser dak li sar fl-aħħar snin iżda se jkun qed ikompli jibni fuq dak li diġa’ hemm biex il-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ u jimxi ‘l quddiem bl-involviment ta’ kull Malti u Għawdxi, inkluż iż-żgħażagħ.
L-avukat Grech, li esprima l-interess tiegħu għat-tmexxija tal-PN, qal li qed jispira illi jerġa’ jara partit rebbieħ… li jaħdem għall-ġid tal-pajjiż.