“Dak li ħareġ illum mill-Qorti juri biċ-ċar għalfejn Joseph Muscat bħala Prim Ministru ma kien ħa l-ebda azzjoni u minflok ħalla l-affarijiet għaddejjin u jfixkel li toħroġ il-ġustizzja fir-rigward tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.
Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia fl-ewwel kummenti tiegħu wara s-seduta tal-lum fil-kumpilazzjoni tal-evidenza fl-assassinju tal-ġurnalista.
Adrian Delia qal dan għaliex kif jirriżulta mix-xhieda li ngħatat illum fil-Qorti qed jiġi allegat li Joseph Muscat ġie mgħarraf fuq l-assassinju. Isemma kif Keith Schembri l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat kien qal li għandu jinstab ‘xi ħadd’ li jwettaq l-assassinju u li ħareġ il-flus biex dan l-assassinju jitwettaq.

B’dan kollu li smajna llum fil-Qorti kompla joħroġ fiċ-ċar l-involviment tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qal Adrian Delia.
Mhux biss kif minn Kastilja inħadem dan l-assassinju imma wkoll kif Joseph Muscat bħala Prim Ministru baqa’ jgħatti sal-aħħar l-id ix-xellugija tiegħu Keith Schembri. Dan ifisser ukoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien nvolut f’attentat biex il-ġustizzja f’dan il-każ ma sseħħx.
Adrian Delia qal li għal darb’oħra smajna wkoll kif Yorgen Fenech kellu qrubija kbira ma’ Joseph Muscat u kif tkellem miegħu dwar dan l-assassinju darbtejn, darba f’Kastilja u darb’oħra fil-Palazz tal-Girgenti waqt festin, fejn fl-istess festin l-allegat mandat tal-assassinju ta rigali li jiswew eluf kbar ta’ ewro lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru u kien ikkundannat għal dan fir-rapport tal-Kummissarju tal-iStandards fil-hajja Publika.
Din xhieda tal-qrubija li teżisti bejn Joseph Muscat u ċirku ta’ persuni kriminali, li spiċċaw biex ħatfu Kastilja, kompla Delia.
Huwa qal li hu wkoll għal kollox inaċċettabbli li Prim Ministru ta’ pajjiżna kien involut fil-qrib ma’ persuni li qed jiġi allegat li ħadmu assassinju ta’ ġurnalista minn Kastilja biex jagħlqulha ħalqha għaliex kienet qed tinvestiga l-korruzzjoni kollha li kienu qegħdin jagħmlu.
Uħud minn minnhom proġetti miljunarji li saru ma’ kumpaniji barranin biex jinsterqu l-familji Maltin u Għawdxin. S’issa fil-Qorti ħareġ li €150,000 kien il-prezz ta’ dan is-silenzju, b’Keith Schembri joħroġ €85,000.
Ir-rabtiet bejn il-Gvern Laburista u dawn l-elementi kriminali, qal Delia, huma ta’ theddida serja għad-demokrazija f’pajjiżna. Meta qed jirriżulta aktar minn qatt qabel kif kien nuqqas ta’ azzjoni kbira jew inkella tfixkil fil-ħidma tal-istituzzjonijiet biex il-verita’ ma toħroġx, biex ma ssirx il-ġustizzja, biex persuni li kienu nvoluti f’dan l-assassinju jibqgħu jsibu l-protezzjoni. Dan minnu nnifsu huwa att kriminali.
Adrian Delia saħaq li din in-nuqqas ta’ azzjoni u dan it-tfixkil kollu fit-tħaddim tad-demokrazija f’pajjiżna wasslet biex il-komunita’ internazzjonali tħares lejna u tpoġġina taħt il-lenti b’mod negattiv, bi kritika f’rapporti internazzjonali fosthom tal-Moneyval, li tiegħu għad irridu ngħaddu l-eżami u li jista’ jkollu riperkussjonijiet kbar fuq l-ekonomija u x-xogħolijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Quddiem dan kollu, l-Prim Ministru Laburista Robert Abela qed jerġa’ jagħżel is-silenzju, qed jagħżel li ma jieħu l-ebda azzjoni. Wara dan kollu li ħareġ mill-Qorti llum, x’se jagħmel Robert Abela bid-deputat fil-grupp Parlamentari tiegħu u bil-konsulent personali tiegħu Joseph Muscat? Se jieħu azzjoni jew se jħalli kollox għan-normal?
Għall-Prim Ministru Laburista Robert Abela in-‘normalità’ tfisser li jibqa’ għaddej bħal ma kien jaghmel l-eks Prim Ministru ta’ qablu Joseph Muscat, sostna Delia.
Joseph Muscat nafu kif kien imġiegħel jirriżenja mill-poter f’ambjent ta’ impunità sħiħa. Adrian Delia staqsa jekk hux dan il-veru patt imxajtan tal-Labour, patt imxajtan bejnu u Joseph Muscat. Staqsa jekk il-patt imxajtan hux li l-ġustizzja ma ssirx.
Fil-ġranet li għaddew, Joseph Muscat kellu jmur fid-Depot tal-Pulizija biex iwieġeb għal għemilu. Rapporti fil-midja qalu li Joseph Muscat issejjaħ b’konnessjoni ma’ dan l-assassinju.
Il-Kap tal-PN qal li meta mal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija ġdid in-nies ġew assigurati li jkollna Korp li jżomm kuntatt u komunikazzjoni mal-poplu, qed nistennew li ma jkunx hawn aktar skiet imma li l-poplu jinżamm infurmat b’dak li qed iseħħ.
Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ħidma tal-Korp tal-Pulizija u nagħtuhom il-kuraġġ u l-appoġġ biex jagħmlu l-investigazzjonijiet relatati f’armonija, mingħajr biża’ jew intimidazzjoni biex ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, u biex il-ġustizzja ssir u tidher li qed issir.
//= $special ?>