Coronavirus Lokali

Leave tal-kwarantina għal ħaddiema li jinstabu pożittivi – UĦM

Il-UĦM Voice of the Workers tenniet mill-ġdid is-sejħa tagħha sabiex ħaddiema li nstabu pożittivi għall-Covid-19 jingħataw leave tal-kwarantina bi ħlas.

Fi stqarrija, il-UĦM tinsab diżappuntata li l-Gvern għadu ma ħariġx proċedura ċara fuq leave tal-kwarantina għal persuni li nstabu pożittivi għall-virus.

Hi qalet li bħalissa, dawn il-ħaddiema qed jitnaqqsilhom mill-leave għall-mard, anki jekk dawn ikunu mingħajr sintomi u jkunu qed jagħmlu xogħol mid-dar.

Il-UĦM Voice of the Workers diġa kienet tenniet dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma magħmul mill-Gvern, l-awtoritajiet tas-saħħa u l-imsieħba soċjali u qed tistenna li din il-materja tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-MCESD li hi skedata għat-Tnejn li ġej.