Internazzjonali

Stati Uniti: L-Uragan Laura jolqot lil Louisiana fost għargħar intensiv

Uragan imlaqqam ‘Laura’ qed javvanza mill-Istat ta’ Louisiana fost l-irwiefen li qed jikkaġunaw diversi inċidenzi ta’ għargħar qawwi.

Il-maltemp mill-uragan kien ta’ ‘kategorija erba’ meta laqat il-kosta ta’ Louisiana, bl-irwiefen jirreġistraw qawwa ta’ mill-anqas 240 kilometru fis-siegħa. Intant, kien hemm ħinijiet fejn l-awtoritajiet kienu qed iwissu dwar ‘spinta ta’ maltemp bil-potenzjal kbir li tħalli l-vittmi.’

Il-maltemp mill-Uragan Laura qed jitqies fost ‘l-agħar li qatt laqat’ l-inħawi tal-Gulf Coast tal-Istati Uniti, bl-awtoritajiet iwissu lil talanqas nofs-miljun resident biex jabbandunaw ċerti bnadi ta’ Louisiana u l-Istat ta’ Texas minħabba l-elementi.

Ftit tal-ħin ilu, il-qilla tal-uragan laħqet naqset għal ‘kategorija tlieta’ iżda l-impatt kien xorta qawwi biżżejjed biex jippenetra għal għexieren ta’ kilometri ‘il ġewwa mill-kosta’. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet mhumiex jistennew li l-għargħar sussegwenti jbatti bis-sħiħ qabel jgħaddu diversi ġranet oħra.