Internazzjonali

Stati Uniti: Twissija dwar ‘il-periklu’ ta’ rebħa għal Joe Biden

Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, wissa li l-vjolenza għandha tinfirex qalb l-ibliet Amerikani f’każ li Joe Biden – l-isfidant tal-Partit Demokratiku għall-White House – jirbaħ l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-pajjiż.

Meta kien qed jitkellem f’diskors ‘keynote’ matul il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Repubblikan organizzat f’Fort McHenry, f’Baltimore (Maryland), Pence enfasizza ‘li l-poplu jista’ jinsa ħafna mill-kunċetti tas-sigurtà jekk l-Istati Uniti tispiċċa mmexxija minn Biden’.

Għaldaqstant, Pence sostna li l-Amerikani għandhom għażla ċara quddiemhom – li, waqt il-jum tal-vot, ‘jiddeċiedu jekk iridux tmexxija li tistinka għaz-zamma tal-liġi u l-ordni inkella, mill-banda l-oħra, stat ta’ anarkija u l-inċertezza li dan iġib miegħu.’

Fid-diskors hu kkritika bl-aħrax lil Biden talli hu qal li ‘hemm preġudizzju ċar kontra l-minoranzi’ flimkien ma’ ‘sitwazzjoni sistematika ta’ razziżmu’ fl-Istati Uniti. Fl-istess ħin, Pence tenna li ‘Joe Biden ( f’każ li jsir President) għandu jixpruna stil ta’ politika li jwassal għal livell akbar ta’ periklu fit-toroq u vjolenza fl-ibliet Amerikani.’

Joe Biden, ex Viċi-President Amerikan, hu magħruf bħala politiku moderat, iżda r-Repubblikani tal-President Donald Trump u Mike Pence ilhom jakkużawh bħala ‘kandidat li jaħbi idu u li fil-verità qed jiddefendi stil ta’ politika radikali tax-xellug’.

L-akkuża saret anki tema rikurrenti fil-Konvenzjoni tar-Repubblikani li qed tqarreb konklużjoni f’Baltimore – bil-Viċi-President Pence itenni li ‘vot lil Biden bħala President għandu jqabbad lill-Istati Uniti fit-triq tas-soċjaliżmu, bil-pajjiż jispiċċa jaqta’ lura b’mod konsistenti’.

Fl-aħħar jiem kien hemm ukoll spekulazzjoni li Mike Pence seta’ jitneħħa minn running mate ta’ Trump ( biex jikkuntesta għal perjodu ieħor bħala Viċi-President Amerikan) u fost għajdut li seta kien hemm xi kunsiderazzjoni għal kandidat ieħor minfloku.

Iżda l-pożizzjoni ta’ Pence – eks Gvernatur ta’ Indiana u Kristjan konservattiv – issa qed tidher ferm aktar soda wara s-sehem prominenti tiegħu fil-Konvenzjoni u fejn ma żammx lura milli jiddefendi r-rekord ta’ Donald Trump bħala President.