Ekonomija Għawdex Lokali

“Tliet kwarti tal-istabbilimenti Għawdxin mhux se jkampaw wara Diċembru” – GTA

76% ta’ dawk l-istabbilimenti li wieġbu survey tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu qalu li jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, mhux se jkampaw lil hinn minn Diċembru li ġej.

Hekk kif l-istabbilimenti Għawdxin irreġistraw medja ta’ bejn 55% u 65% inqas dħul mis-sena li għaddiet, huma sostnew li l-akbar sfidi għalihom kienu n-nuqqas ta’ income, il-pagi tal-impjegati, il-pagamenti tal-VAT u tat-Taxxa, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u r-restrizzjonijet marbuta mal-pandemija.

Fost dawk li wieġbu s-survey tal-Assoċjazzjoni kien hemm membri fil-qasam tal-akkomodazzjoni, r-ristoranti, centri tad-diving, operaturi turistiċi u t-trasport fost l-oħrajn.

Minkejja li sa issa ħafna mill-istabbilimenti rnexxielhom iżommu lill-impjegati tagħhom, kważi wieħed minn kull ħamsa qal li issa se jkollhom jibdew ikeċċu lin-nies u 14% qalu li qed jikkunsidraw li jagħlqu n-negozju għal kollox. Numru ta’ operaturi qalu li qed jgħixu ġurnata b’ġurnata.

Il-maġġoranza tal-istabbilimenti qed jappellaw għal aktar għajnuna mill-Gvern, inkella jkollhom jagħlqu l-bibien tagħhom.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu s-survey qalu li l-vouchers tal-Gvern kienu jagħmlu tajjeb għal bejn 10% u 24% tad-dħul tagħhom fl-aħħar ġimgħat.