“Lit-tesserat ngħidlu li l-Partit Nazzjonalista qiegħed f’sitwazzjoni li jiġġenera ruħu u għandu bżonn jissaħħaħ biex jirbaħ u jirbaħ meta jgħati lilek u l-pajjiż Gvern alternattiv. L-ewwel l-għaqda, qed inwiegħed l-għaqda għax fuqha nistgħu nibnu u fuqha nistgħu nirbħu.”
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Avukat Bernard Grech lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista fi tmiem intervista fuq il-programm Xarabank li xxandar LIVE fuq Facebook biss.
Tul din l-intervista, Bernard Grech ingħata ċ-ċans li jagħżel mistoqsija u tweġiba li ried, din kienet ir-risposta tiegħu għall-mistoqsija ta’ x’inhu l-iktar għal qalbu. “Il-persuna għal qalbi, jien ħdimt man-nies u f’kull parir li tajt u f’kull ħaġa li għamilt dejjem tajt il-parir u ħadt ħsieb lill-individwu. Meta l-bniedem jingħata d-dinjità tiegħu, allura dak il-bniedem jista’ jkun l-aħjar tiegħu nnifsu.”
Bernard Grech saħaq li min hu lest li jpoġġi l-interess tal-partit u tal-pajjiż l-ewwel għandu jkun parti mill-PN. Hu saħaq fuq l-importanza tad-demokrazija u stqarr li jinsab fiduċjuż li kull min irid ġid lill-pajjiż se jtih l-opportunità.
Waqt li kien intervistat minn Peppi Azzopardi, Bernard Grech saħaq li dan il-pajjiż għandu jkun l-għejra tiegħu nnifsu. Hu qal li jrid lill-Maltin u l-Għawdxin li jkunu konvinti li l-Gvern jiggverna bl-aħjar mod possibbli u jkun onest mal-poplu tiegħu.
Bernard Grech saħaq li jrid jaċċerta li l-istituzzjonijiet tagħna jagħmlu xogħol sew u li jekk ċittadin jimxi kif suppost jirnexxi u jekk le jaffaċċja l-konsegwenzi għaliex il-ligi qegħda hemm għal kulħadd.
Tul din l-intervista, Bernard Grech kien mistoqsi dwar diversi temi fosthom il-COVID-19, ix-xandir pubbliku, il-qagħda politka ta’ pajjiżna, dak li qed jiġri fil-Qorti u l-immigrazzjoni fost oħrajn.
//= $special ?>