Ambjent Lokali Qorti

Franċiż jibqa’ arrestat għax ma setax iħallas il-garanzija għal-libertà proviżorja

Wieġeb mhux ħati li sprejja vleġeġ b'żebgħa ħamra ma' ġebel u ħitan tas-sejjieħ fil-Park tal-Majjistral

Anzjan Franċiż ta’ 73 sena li bħalissa qed joqgħod f’lukanda fil-Mellieħa, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak mixli li sprejja żebgħa ħamra mal-ġebel u l-ħitan tas-sejjieħ fil-Park tal-Majjistral.

Segre Morel-Jean, li huwa direttur t’aġenzija tal-ivvjaġġar, ġie akkużat li kkawża danni intenzjonati fuq propjetà pubblika, bit-tiswija tagħha taqbeż l-€2,500, u li kiser diversi liġijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, fosthom il-Liġijiet li jipproteġu l-flora, il-fauna kif ukoll l-abitat naturali.

Ir-raġel Franċiż tressaq mill-Ispettur Elliott Magro wara li l-Pulizija u l-ERA rċeviet rapporti li ntefghet żebgħa ħamra wara li l-akkużat ġab Malta grupp ta’ atleti u għalhekk ried jimmarkalhom minn fejn se jiġru.

Mill-investigazzjonijiet tagħha, il-Pulizija sabet bottijiet ta’ spray fil-karozza tal-Franċiż. Hu ttieħed fil-post sabiex jekk ineħħi l-vleġġeġ, huwa ma jitressaqx il-Qorti.

Iżda Morel-Jean naqas milli jagħmel dan hekk kif ftit wara li beda jneħħi xi uħud mill-vleġġeġ, huwa beda jgħatti l-ġebel bil-ħamrija jew jobroxxhom fuq fuq.

Il-pensjonant, li għalih qed jidher l-avukat Joe Brincat, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh, bl-Ispettur Magro ma joġġezzjonax għat-talba tal-ħelsien mill-arrest basta jagħti garanzija personali tad-dettalji tiegħu għaliex fi kliemu, il-Franċiż ħalla diżastru sħiħ u jeħtieġ spejjeż kbar biex dan jitnaddaf.

Ir-raġel xorta inżamm arrestat wara li ma setax joffri l-garanzija personali ta’ €10,000, b’depożitu ta’ €10,000 oħra, għal-liberta provizorja mogħtija lilu.

Ritratt: Il-Park tal-Majjistral