Il-Ministru responsabbli għat-Trasport Ian Borg qiegħed jipprova jqarraq bin-nies speċjalment bl-Għawdxin. Fil-manifest elettorali tiegħu kemm tal-2013 u tal-2017, il-Partit Laburista wiegħed servizz ta’ fast ferry dirett minn u lejn Għawdex. Preċiżament f’pagna 86 punt 7 tal-manifest elettorali tal-2013 u f’paġna 58 punt 37 tal-manifest elettorali tal-2017, jgħidu li Għawdex se jkollu servizz ta’ fast ferry. Madanakollu minn dak iż-żmien ‘il hawn, din il-wegħda ġiet abbandunata u minflok bdew isiru preparamenti sabiex jitnieda servizz ta’ ferry hop-on hop-off f’ numru ta’ lokalitajiet madwar il-kosta Maltija, mhux wieħed esklussivament dirett għal Għawdex. Dan jixhdu il-concession document li ħarġet Transport Malta fl-14 ta’ Lulju 2020 (Numru ta’ ReferenzaTM_RFP001/2020) li f’ artiklu 2.13.6 jghid hekk “The proposed routes should provide simple and stable INTER-CONNECTED NETWORK of public transport lines.” u f’artiklu 2.13.7 jgħid hekk “The routes proposed by the Proponents should as a MINIMUM include landing areas in the following Mandatory localities: Marsaxlokk, Ta’ Xbiex, San Ġiljan, Saint Paul’s Bay, St Julian’s, Valletta, Gozo.
Fi stqarrija l-PN permezz tal-kelliema tiegħu Toni Bezzina kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali,
Chris Said kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali, Frederick Azzopardi Deputat Whip u Kevin Cutajar kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli intqal li għaldaqstant, Ian Borg qiegħed jipprova jqarraq bin-nies meta fuq il-mezzi soċjali qal li mhux vera hemm ippjanat servizz ta’ hop-on hop-off u li s-servizz se jkun dirett għal Għawdex. Fi kliem ieħor, qed igiddeb entità li taqa’ taħt ir-responsabbilità tiegħu stess sabiex jipprova jgħatti xturu; jgħatti l-fatt li mhux se jżommu mal-wegħda li għamlu lil Għawdxin għal servizz ta’ fast ferry dirett minn u lejn Għawdex.