Permezz ta’ stqarrija l-Kummissjoni għamlet referenza għal dak li ġie ppubblikat dwar il-persuni li esprimew l-interess tagħhom għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment dwar il-preżenza ta’ Dr Bernard Grech fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista u t-talba mressqa lill-Kummissjoni dwar dan.
Fl-istqarrija Peter Fenech, il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali PN qal li I-Kummissjoni tikkjarifika li, filwaqt li l-artikolu 90 tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista teżiġi li ma jsirx canvassing qabel is-sottomissjonijiet tan-nomini tal-kandidati, hi kienet tal-fehma li din ma kelliex tiġi interpretata b’ mod ristrettiv u l-Kummissjoni kellha tħares lejn ir-raġuni l-għala ddaħħlet din l-istess ristrizzjoni.
Ir-regolamenti dwar l-Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, artikolu 13, jpoġġi fuq il-Kummissjoni Elettorali r-responsabbilità sabiex, minn issa fuq il-mezzi tal-Partit Nazzjonalista tiġi osservata ugwaljanza stretta u trasparenti, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kap tal-Partit li jitkellem skont id-doveri tal-kariga tiegħu.
L-istqarrija qalet li Adrian Delia ma kellux diffikulta bil-preżenza ta’ Bernard Grech sakemm jkun hemm ftehim li l-iStatut ma jinkisirx u r-regoli jiġu osservati, u dejjem skont kull gwida li tagħti l-Kummissjoni Elettorali.
Il-Kummissjoni tenniet li tifhem l-interess kbir mill-pubbliku u aktar u aktar mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista dwar iż-żewġ persuni li esprimew l-interess tagħhom għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, u għalhekk trid tassigura li kollox jimxi b’mod ekwu u ġust.
//= $special ?>