Ekonomija Lokali

Il-persistenza tal-PN reġgħet qed tagħti l-frott bin-negozji se jitraħħsilhom il-kont tad-dawl

"Se nibqgħu ninsistu sabiex din il-proposta tagħna tasal għand aktar negozji" - PN

Numru ta’ negozji se jitraħħsulhom il-kont tad-dawl b’50% għax-xhur minn Lulju sa Settembru. B’reazzjoni għal dan il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija ffirmata minn David Agius – Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal, Claudio Grech – Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u Ryan Callus – Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma.

L-istqarrija qalet li l-persistenza tal-PN għal darb’oħra reġgħet qed tagħti l-frott. Proposta li l-PN kien ressaq lura f’April ta’ din is-sena fl-eqqel tal-pandemija u meta n-negozji kienu diġa’ għarkupptejhom. Għaldaqstant, filwaqt li l-proposta hija tajba, qed tigi mnedija xahrejn tard minflok iddaħħlet qabel biex stajna nsalvaw eluf ta’ impjiegi li ntilfu, saħaq il-PN.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-PN se jibqa’ jinsisti biex din il-proposta tiegħu tasal għand aktar negozji u l-familji Maltin, li tħallew barra. Dan meta n-negozji ilhom xhur ibatu kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin fi żminijiet meta n-negozju ħa daqqa ta’ ħarta minħabba l-impatt tal-COVID-19.

L-istqarrija tal-PN temmet tgħid li “agħar minn hekk, l-inkompetenza politika tal-Gvern dan l-aħħar, fejn rajna l-każijiet tal-COVID-19 jogħlew b’mod sostanzjali, kompliet tat daqqa oħra u se twassal biex jittawwal l-irkupru ekonomiku, u b’hekk jikber l-impatt fuq in-negozji u l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin.”