Lokali

“Irrid nagħti lill-PN lura lin-nies” – Adrian Delia waqt Xarabank

“Fi tliet snin biss irnexxilna nagħmlu ħafna minkejja t-tfixkil, f’ħames snin se jirnexxilna nagħmlu dak li wegħdna. Irridu nippreżentaw Partit Nazzjonalista b’aktar nies li naċċertaw li jistgħu mill-ġdid ikunu parti mill-famlija tagħna.”

Kien dan il-messaġġ li għadda il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia lit-tesserati tal-Partit fi tmiem intervista fuq il-programm Xarabank li xxandar LIVE fuq Facebook biss.

Tul din l-intervista, Adrian Delia ingħata ċ-ċans li jagħżel mistoqsija u tweġiba li ried, din kienet ir-risposta tiegħu għall-mistoqsija ta’ għalfejn qed jagħmel dan kollu. “Jien nemmen f’dak li qed nagħmel, nemmen li qed nagħmel huwa tajjeb. Irrid nagħti lill-PN lura lin-nies, in-nies jistgħu jerġgħu ikunu komdi fil-PN, nemmen li jekk nibqgħu f’din it-triq nilħqu nipperswadu aktar nies. Għax il-PN reġa’ sar tan-nies.

Adrian Delia saħaq dwar l-importanza tal-għaqda fi ħdan il-PN fej stqarr li l-partit għandu bżonn li jattira ġenerazzjoni sħiħa li telqitna.

Waqt li kien intervistat minn Peppi Azzopardi l-Kap tal-PN tkellem dwar ostakli li sab minn meta sar Kap. Fost oħrajn hu fakkar fl-ostaklu tal-finanzi tal-partit li rnexxielu jegħleb. Adrian Delia saħaq li kull tesserat irid li l-PN jimxi ‘l quddiem flimkien fejn iddikjara li  mhux se jitradi lil dawk li tawh il-fiduċja.

Adrian Delia fakkar kif kemm ilu Prim Ministru, Robert Abela baqa’ jaħrab milli jagħmel dibattitu miegħu meta hawnhekk setgħu jiġu diskussi temi li n-nies iridu jisimgħu dwarhom fejn semma’ l-immigrazzjoni, il-faqar, l-għoli tal-ħajjar u l-ekonomija tal-pajjiż. Hu stqarr li kien ikun hawnhekk fejn iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin setgħu jiżnu l-arugmenti taż-żewġ kapijiet tal-partiti.

Tul din l-intervista, Adrian Delia kien mistoqsi dwar diversi temi fosthom il-COVID-19, ix-xandir pubbliku, il-qagħda politka ta’ pajjiżna, dak li qed jiġri fil-Qorti u l-immigrazzjoni  fost oħrajn.