Coronavirus Lokali Saħħa

It-tobba jappellaw għal aktar miżuri

It-tobba tennew li d-data ta' skadenza għall-vouchers għandha tkun estiża sal-aħħar ta' Diċembru

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba tas-Saħħa Pubblika (MAPHM) permezz ta’ stqarrija saħqu li jeħtieġ li f’pajjiżna jiżdiedu l-miżuri biex l-imxija tal-virus tittaffa.

It-tobba qalu li ta’ kuljum qed ikollna rata average ta’ 46 każ ġdid u l-aħħar numri, għamluna t-tieni l-aktar pajjiż li kellu każijiet ġodda tal-imxija fl-Ewropa fl-aħħar ġimagħtejn. Dawn l-aħħar numri kellhom impatt kbir fuq it-Turiżmu f’Malta, b’minn tal-anqas 16-il pajjiż jagħmlu r-restrizzjonijiet fil-konfront ta’ pajjiżna.

L-Assoċjazzjonijiet appellaw biex il-miżuri l-ġodda għandhom jimmiraw biex ikollna anqas minn 10 każijiet kuljum.

“Għalhekk jeħtieġ li n-numri jinżammu baxxi, għalhekk jeħtieġ aktar miżuri”

Huma qalu li preżentament is-servizzi tas-saħħa qed ikampaw, u infatti tul l-aħħar ġimgħat kellna biss mewta waħda tul it-tieni mewġa, madanakollu jekk il-każi ġodda jkomplu jfeġġu fil-vulnerabbli, ir-riskju ta’ mewt se jiżdied. It-tobba tennew li infatti 10% ta’ dawk li daħlu jinsabu jew kienu Mater Dei għall-kura, se jdumu x-xhur biex ifiqu u jirritornaw għan-normal, dan minħabba r-riperkussjonijiet li dan il-virus ġab fuqhom… “għalhekk jeħtieġ li n-numri jinżammu baxxi, għalhekk jeħtieġ aktar miżuri”, tenniet tgħid l-istqarrija.

“Id-deċizjonjiet ta’ restrizzjonijiet ġodda għandhom jittieħdu mis- Supridentent tas-Saħħa Pubblika”

It-tobba komplew li biex Malta ssaħħaħ l-eknomijia jeħtieġ li l-każijiet jonqsu u b’hekk Malta terġa’ tikseb il-kreddibiltà. Jekk isir dan il-pajjiżi li imponew ir-restrizzjonijiet se jmorru lura minn din id-deċizjoni, u b’hekk Malta ma tibqax fil-lista l-ħamra ta’ għadd ta’ pajjiżi.

Il-proposti tat-tobba huma dawn:

  • Huma qalu li għandhom jiddaħħlu aktar ristrezzjonijiet, imma li dawn għandhom ikunu deċiżi mis-Supridentent tas-Saħħa Pubblika, u fejn jeħtieġ jibqa’ jingħata kumpens lil dawk kollha milquta minn dawn ir-restrizzjonijiet.
  • Dawk kollha li jkunu ġejjin lejn pajjiżna, kemma bl-ajru u kemm bil-baħar għandhom juru test li jkun sar minn tal-aktar 72 siegħa qabel li huma negattivi. Din il-prassi tibqa’ fis-seħħ sakemm jinstab vaċċin. Kull min jidħol Malta bla test għandu jsirlu swab test, bi spejjeż għalihom, u jkunu jistgħu jidħlu Malta la darba jsir it-test u jinstabu negattivi.
  • It-Tobba tennew li d-data ta’ skadenza għall-vouchers għandha tkun estiża sal-aħħar ta’ Diċembru, biex b’hekk dawn jgħinu verament l-ekonomija tirpilja.