Edukazzjoni Lokali

Jiem kruċjali għall-għalliema – MUT

Għaddejin laqgħat mal-Ministru tal-Edukazzjoni

Fi stqarrija, l-MUT qalet li dawn il-jiem huma kruċjali biex jiġi stabbilit eżatt kif se jiftħu l-iskejjel f’Settembru, u insistiet li se tkun qed toħroġ il-pożizzjoni tagħha dwar il-ftuħ tas-sena skolastika wara li tkun evalwat is-sitwazzjoni kollha.

L-MUT qed tgħid li se tevalwa s-sitwazzjoni tal-pandemija kemm mil-lat ta’ implimentazzjonijiet ta’ miżuri, kif ukoll mil-lat ta’ kemm ser ikollna każijiet pożittivi tal-COVID-19 u r-rata tat-trasmissjoni. “Hekk titlob is-serjetà, il-professjonalità u r-responsabbiltà li dejjem imxiet biha l-MUT”.

Dwar dan l-MUT qed tiltaqa’ mal-esperti u l-awtoritajiet kollha fil-qasam, kemm lokali u Ewropej.

L-MUT tibqa’ ssostni li l-prinċipji li għandhom jiggwidaw kull deċiżjoni jibqgħu s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull edukatur u student.