Futbol Sport

Juventus iridu lil Luis Suarez u Tottenham interessati f’Diego Costa

(Ritratt: EPA)

Juventus jinsabu interessati li jakkwistaw lil Luis Suarez, wara li l-kowċ il-ġdid ta’ Barcelona Ronald Koeman infurmaħ li l-attakkant mill-Urugwaj mhuwiex parti mill-pjanijiet tiegħu. Il-klabb biħsiebu jtemm il-kuntratt ta’ Suarez b’mod immedjat, minkejja li baqgħalu sena oħra. Għalhekk, il-plejer ta’ 33 sena jeħtieġ isib tim, u minħabba l-paga għolja tiegħu, ftit timijiet jaffordjawh.

Hu jieħu post Gonzalo Higuain, li kien mitlub mill-klabb Taljan biex itemm il-kuntratt tiegħu wkoll. Juventus qiegħdin iħarsu wkoll lejn Edin Dzeko ta’ Roma.

Fl-Ingilterra, Tottenham jidhru li jridu lil Diego Costa, u Atletico Madrid lesti jbiegħuh bi prezz irħis minflok jitlaq b’xejn peress li baqgħalu sena biss fil-kuntratt. Tottenham iridu attakkant ieħor biex jipprovdi assistenza lil Harry Kane. Din tfisser riunjoni bejn l-attakkant Spanjol u l-kowċ ta’ Tottenham Jose Mourinho fejn kien taħt it-tmexxija tiegħu ma’ Chelsea bejn 2014 u 2017. Hemmhekk, hu rebaħ żewġ kampjonati Ingliżi.