Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Ejja nagħmlu minn kollox biex nerġgħu niftħu l-iskejjel tagħna imma mhux niftħu akkost ta’ kollox

– Il-gvern mhux preparat. Irridu nagħtu s-serhan tal-moħħ lill-edukaturi, lill-istudenti u l-ġenituri

– Tiddemonizzawx lill-għalliema. Dawn iridu jagħmlu xogħolhom f’ambjent sigur għalihom u għall-istudenti tagħhom

“Aħna nemmnu li t-tfal u l-istudenti għandhom bżonn l-iskola u għandna nagħmlu minn kollox biex l-iskejjel jiftħu f’Settembru li ġej. Pero m’għandnix nagħmlu minn dan akkost ta’ kollox.” – Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet li organizza l-Partit Nazzjonalista dwar l-Edukazzjoni u l-ftuħ tal-iskejjel; konferenza li kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli.

Hu appella għal pjan studjat li jaħseb għal diversi xenarji possibbli fejn fakkar li l-qafas tiegħu kien diġa tlesta xhur ilu u mogħti lil pajjiżna mil-UNICEF. Clyde Puli saħaq li hemm bzonn ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders; xi ħaġa li sal-bidu ta’ din il-ġimgħa kienet għadha ma bdietx.

“Fadal xahar, ninsabu tard diġa imma l-Gvern irid jagħmel dak li s’issa m’għamilx. Id-dettalji ta’ kif se joperaw minn Settembru li ġej għadu ħadd ma jafhom.” saħaq Clyde Puli.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni fakkar li l-Unions stqarru li m’hemmx preparazzjoni u ma nistgħux nidħlu fl-iskejjel b’mod normali, il-Kapijiet tal-Iskejjel huma mħassba mmens u l-ġenituri ma jafux x’se jiġri minn uliedhom, u m’għandhomx is-serħan tal-moħħ li saru l-preparamenti biex tiġi mħarssa s-saħħa tat-tfal.

Id-Deputat Nazzjonalsita fakkar kif kienu l-għalliema li salvaw is-sitwazzjoni meta l-Gvern ma kienx prepara lura f’Marzu u kienu huma li ħadu l-inizzjattiva biex it-tagħlim seta’ jkompli. Minn dan jidher li l-Gvern ma tgħallem xejn.

Clyde Puli stqarr li “l-oppożizzjoni kienet attiva, għamlet konferenza nazzjonali bejn l-esperta, sa dalgħodu stess l-Oppożizzjoni kompliet tiltaqa’ mal-istakeholders. Irridu noqgħodu fuq l-esperti, aħna policy makers, hemm xewqa kbira biex it-tfal imorru l-iskola imma hemm nuqqas kbir ta’ serħan il-moħħ.”

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm Segretarju Internazzjonali tal-PN Roselyn Borg Knight u l-Minority Leader fil-Kunsill ta’ Birkirkara Justin Schembri, żewġ persuni li jiffurmaw parti mill-cluster tal-PN li jaħdem fuq dan is-suġġett.