Lokali

“Qatt mhu se tkissru l-familja tagħna” – il-kuġina ta’ Chris Pandolfino

"Aħna ma rridux tpattija, iżda irridu ġustizzja"

“Qsamtulna qalbna, imma mhux se tkissru l-familja u l-għaqda ta’ bejnietna”.

Kien dan il-messaġġ imqanqal u mimli emozzjonijiet li kitbet fuq Facebook Heidi Micallef, waħda mill-kuġini ta’ Chris Pandolfino illi inqatel flimkien mas-sieħeb tiegħu l-ġimgħa li għaddiet f’Tas-Sliema.

Il-kuġina ta’ Pandolfino ppubblikat ir-ritratti taż-żewġ persuni li huma akkużati b’dan il-qtil, u fil-post tagħha kitbet li għalkemm Chris qatt ma jista’ jinġieb lura “il-mewt tiegħu tfakkarna kemm aħna b’saħħitna bħala familja”.

“Lill-qattiela ngħidilhom li aħna ma rridux tpattija, iżda irridu ġustizzja”.

Fl-aħħar jiem, kien bosta l-ħbieb u l-qraba tal-koppja li ħallew messaġġ u fjuri mar-residenza. Fost dawn, kien hemm ukoll ittra miktuba minn missier Ivor.

Hu jiddeskrivi lil ibnu bħala persuna brillanti u inkredibbli. “Int ġibtli ferħ f’ħajti, u se tibqa’ għal dejjem f’qalbi”, kiteb missieru.

Ittra oħra imwaħħla mar-residenza hi dik ta’ ħu Ivor, illi fiha jgħid li għalih “Ivor ma mietx, iżda għadu ħaj fil-persuni li hu ferraħ tul ħajtu”.