Sport Waterpolo

Sogru għal Exiles fl-aħħar mumenti filwaqt li Sliema jiżvogaw f’Birżebbuġa

Stewart Said

SIRENS MECCA MARIN……….. 7

EXILES FERRETTI………………… 8

(1-0), (2-2), (1-2), (4-3)

Exiles Ferretti kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-Kampjonat Premier għalkemm lejn it-tmiem setgħu tilfu dak li ħadmu għalih. Sirens ħallew l-aħjar tagħhom tard fil-logħba u għandhom iħossuhom diżappuntati li ħarġu mil-logħba b’idejhom vojta.

Ken Erdogan poġġa lil Sirens fil-vantaġġ bl-uniku gowl tal-ewwel sessjoni. Nicky u Philip Paris dawru r-riżultat favur Exiles iżda Gianni Farrugia ġab id-draw sakemm reġa’ kien Philip Paris li daħħal lil Exiles jistrieħu 3-2 minn fuq.

It-tim ta’ Igor Vukanovic baqa’ jżomm il-vantaġġ u saħansitra temm it-tielet sessjoni 5-3. Gianni Farrugia skorja għal Sirens bejn il-gowls ta’ Mark Fenech u Kurt Griscti.

Exiles dehru li għalqu l-logħba wara li Mark Fenech u Aurelien Cousin kabbru d-distakk fl-ewwel tliet minuti tal-aħħar sessjoni. Lucas Falzon naqqas id-distakk imma Kurt Griscti żamm il-vantaġġ ta’ erba’ gowls. Madankollu, Sirens irkupraw u skorjaw tliet darbiet fl-aħħar tliet minuti u nofs biex baqgħu b’ċans li jsalvaw il-logħba. Iżda fl-aħħar azzjoni, ix-xutt ta’ Mikhael Cutajar laqat il-lasta.

Sirens: J. Parnis, J. Ciantar, K. Erdogan (3), G. Melillo, L. Galea, T. Said, L. Falzon (1), I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), O. Gauci, G. Farrugia (2), G. Sammut

Exiles: M. Castillo, J. Bajada, A. Magri, P. Paris (2), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (2), K. Griscti (2), N. Paris (1), A. Cousin (1), S. Apap, D. Fenech

Referees: Mario Dalli, Alex de Raffaele

SLIEMA FRANK SALT………….. 16

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 4

(4-0), (1-2), (4-0), (7-2)

Wara l-umiljazzjoni kontra Neptunes, Sliema Frank Salt żvugaw il-frustrazzjoni tagħhom f’Birżebbuġa Freeport b’rebħa faċli ta’ 16-4 li mmaturat speċjalment fit-tieni parti tal-logħba.

Ta’ min jinnota li f’din il-logħba rritorna jsib ix-xibka l-veteran John Soler li fl-età ta’ 40 sena u wara kważi nuqqas ta’ erba’ snin, reġa’ qed jagħti l-għajnuna tiegħu lill-klabb Slimiż.

Tripletta ta’ Jerome Gabarretta u gowl ta’ Nicholas Bugelli fl-ewwel sessjoni taw vantaġġ komdu ta’ 4-0 lit-tim ta’ Sergio Afric. Reazzjoni minn Birżebbuġa li sa nofs it-tieni sessjoni naqqsu d-distakk min-nofs.

Iż-żewġ gowls waslu minn David Cutajar u Julian Farrugia f’żewġ okkażjonijiet ta’ raġel aktar. Sliema daħlu jistrieħu 5-2 b’gowl ta’ Zach Mizzi ftit sekondi qabel tmiem is-sessjoni.

Gabarretta skorja r-raba’ gowl personali fit-tielet sessjoni biex fl-aħħar tliet minuti u nofs tas-sessjoni, Mizzi skorja doppjetta flimkien mal-gowl ta’ Soler biex is-Slimiżi assiguraw mit-tliet punti.

Fl-aħħar sessjoni, Sliema skorjaw tliet gowls konsekuttivi, Farrugia naqqas id-distakk għal 12-3 iżda fl-aħħar żewġ minuti u nofs, Sliema skorjaw erba’ gowls oħra.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (5), L. Galea, J. Sciberras (1), M. Meli, B. Cachia (1), M. Spiteri Staines (2), J. Soler (1), J. Brownrigg (1), Z. Mizzi (4), N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (2), N. Cassar, D. Pace Lupi, C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo (1), D. Cutajar (1), M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech, Z. Bartolo

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari