Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa lill-partitarji Repubblikani li Joe Biden, l-isfidant Demokratiku għall-White House, ‘kapaċi jkisser il-ħolma tal-Amerikani’ jekk jirnexxilu jirbaħ il-Presidenza fl-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru.
Meta tkellem f’Washington, waqt l-aħħar lejla tal-Konvenzjoni tal-Partit Repubblikan, Trump enfasizza li l-avversarju — eks Viċi-President Amerikan — ‘għandu jitqies bħala theddida kbira għal dak kollu li jagħmel lill-Amerika pajjiż kbir’. Trump, fl-istess ħin, wissa li Presidenza f’idejn id-Demokratiċi għandha twassal ‘għall-preżenza ta’ anarkisti vjolenti fl-ibliet tal-Istati Uniti’.
Joe Biden, bħalissa, qed igawdi vantaġġ żgħir iżda sinifikanti fuq Donald Trump skont l-aħħar stħarriġ popolari. Dan meta fadal 67 jum sakemm l-Amerikani jgħaddu l-verdett dwar min iridu li jmexxihom għall-erba’ snin ta’ wara – bl-10 ġimgħat li jmiss se jikkaratterizzaw tellieqa intensiva, fejn il-kampijiet rivali se jippruvaw juri lill-kandidat rivali fl-agħar dawl possibbli.
Sadanittant, Donald Trump, waqt id-diskors f’Washington, talab lill-votanti għal mandat ieħor fejn ħalef li ‘jegħleb il-pjaga tal-Covid-19’ li kissret lill-ekonomija Amerikana.Hu wiegħed ukoll li jrażżan l-inkwiet u t-tensjoni ċivili li qed jiddominaw f’diversi bliet Amerikani wara l-qtil ta’ Afrikani Amerikani taħt idejn il-pulizija.
//= $special ?>