“Fit-Taqsima għall-Kura Intensiva hemm 3 persuni li kollha qegħdin fuq ventilatur, b’persuna waħda f’qagħda kritika u 2 persuni oħra li huma stabbli.”
Hekk sostniet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, meta kienet qed twieġeb mistoqsija ta’ NET News dwar il-qagħda tat-3 persuni fit-Taqsima għall-Kura Intensiva waqt il-bullettin mediku li qed tagħti lill-media ta’ darba f’ġimgħa fuq l-aħħar żviluppi tal-pandemija f’pajjiżna.
Dawn it-3 persuni huma fost 8 pazjenti li hemm fl-Isptar Mater Dei, 14-il pazjent fl-Isptar Boffa u 14 oħra f’St. Thomas. Fuq medda ta’ ħmistax, il-każi attivi fl-Isptar Monte Karmeli żdiedu b’10 għal 22 każ biex il-każi totali minn dan l-isptar kienu ta’ 33.
Hi ħabbret ukoll kif fl-aħħar 24 siegħa kienu 32 il-persuni li ttestjaw pożittivi għall-COVID-19 biex meta jingħaddu mal-każi totali, dawn ilaħħqu mal-1,925 każ totali ta’ Coronavirus minn mindu faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna f’Marzu li għadda.
Il-Professur Gauci ħabbret li fiequ 65 persuna mill-COVID-19 fl-ahhar 24 siegha, biex issa l-każi attivi ilaħħqu mas-685 persuna. Dawn ma jinkludux ċ-ċifri tal-immigranti.
“Fl-aħħar dgħajsa li daħlet instabu 2 każijiet li huma pożittivi biex il-persuni kollha li kienu fuq id-dgħajsa qegħdin fi kwarantina.”
Is-Supretendent ikkonfermat ukoll kif għad hemm immigranti pożittivi mill-wasliet ta’ qabel li għad iridu jfiqu mill-Coronavirus.
Fost il-cluster l-oħra, f’din l-aħħar ġimgħa kien hemm 4 każi ġodda minn Paceville, 3 każi minn attivitajiet sportivi, 26 każ minn fuq il-post tax-xogħol, 19-il każ minn gatherings bejn nies li jafu lil xulxin u l-aktar allarmanti fosthom 60 każ ġdid minn clusters familjari. Mid-djar tal-anzjani f’din l-aħħar ġimgħa kien hemm 7 każi ġodda biex minn total ta’ 23, hemm persuna minn dan il-cluster għall-kura l-isptar.
Fuq l-istaġun tal-influwenza, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ħabbret li l-vaċċin mhux se jkun wieħed obbligatorju għall-poplu kollu iżda se jkun rikomandat li l-persuni vulnerabbli jieħdu t-tilqima.
Il-Professur Gauci stqarret it-tħassib tagħha għall-fatt li fit-tieni mewġa, l-età medja ta’ dawk pożittivi għall-COVID-19 issa telgħet għal 40 sena.
Minkejja li tkellmet fuq il-bżonn li t-tfal jirritornaw l-iskola, is-Suppretendent tas-Saħħa Pubblika ammettiet li r-riċerka dwar il-protokolli għadhom limitati:
“L-esperjenza fuq l-iskejjel għadha limitata għaliex ħafna mit-tfal ma kinux qed jattendu.”
Iżda l-istennija li jfeġġu l-każijiet fl-iskejjel xorta tibqa’ hemmm għaliex it-trażmissjoni tal-infezzjoni taffettwa lill-komunità kollha, inkluż l-għalliema u l-istudenti. Fl-iskejjel, l-istudenti taħt it-3 snin mhumiex qed jilbsu maskri kif mhumiex obbligati jilbsu l-maskra l-istudenti bejn l-4 u l-10 snin fil-klassi. Huma l-istudenti ‘il fuq minn 11-il sena biss obbligati li jilbsu l-maskra dejjem.
Il-Professur Gauci tat rendikont ukoll tal-każijiet pożittivi tal-wasliet mil-lista l-oranġjo minn minndu bdiet titħaddem is-Sibt li għadda, lista li minn 12am jiżdiedu magħhom t-Tuneżija u r-Repubblika Ċeka.
“Għamilna 99 test sporadiku minn wasliet mill-pajjiżi f’din il-lista u minn hemm ħriġna 3 każi li huma pożittivi.”
//= $special ?>