Lokali

Daqqa ta’ €926 miljun f’sitt xhur

Ċifri uffiċjali maħruġa mill-NSO juru li l-iżbilanċ tal-Gvern fl-ewwel 7 xhur tas-sena kien jammonta għal aktar minn biljun ewro…. preċizament €1,052 miljun. Dan ifisser żieda qawwija ta’ €926 miljun meta mqabbel fuq l-istess perijodu tas-sena li għaddiet.

Din id-daqqa enormi fuq l-ekonomija hi…fil-biċċa l-kbira tagħha…riżultat tal-pandemija u l-effett li ħalla l-Covid-19 fuq is-suq tax-xogħol u l-industriji varji. Fil-fatt, id-dħul tal-Gvern naqas b’€533 miljun.

L-akbar tnaqqis għall-perjodu April sa Ġunju… kif kien mistenni… kien irreġistrat fil-qasam ta-akkomodazzjoni u s-settur tal-ikel… fejn l-infieq naqas b’aktar minn 100%. Qasam ieħor li kkontribbwixxa għat-tnaqqis kien dak tal-manifattura… li ra tnaqqis ta’ aktar minn 10%

Dan ix-xenarju mistenni jaffetwa mhux ftit it-tfassil tal-Budget għas-sena 2021; Budget li suppost diġa’ beda jitħejja mill-Kabinett ta’ Robert Abela, għalkemm s’issa b’mod uffiċjali għadna ma smajna bl-ebda konsultazzjoni mal-MCESD f’dan ir-rigward b’mod speċifiku.

F’Lulju li għadda, id-dejn tal-Gvern kien fil-livell ta’ €6,624 miljun – żieda ta’ €1,170 miljun fuq it-tnax-il xahar ta’ qabel.

Intant, fi statistika separata, l-NSO ikkonfermat tnaqqis ta’ €494 miljun fil-GDP…. li jammonta għal 14.9% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019.